U15 tal-Manchester United għal Għawdex f’Mejju

Read in English.

Il-Manchester United Supporters’ Club ħabbar li kontinġent mill-akkademja tal-futbol ta’ Manchester United mistennija li jżur il-gżira Għawdxija fl-aħħar ġimgħa ta’ Mejju. Il-kontinġent se jkun magħmul minn 18-il plejer tal-Under 15 u 6 kowċis tal-akkademja.

Il-klabb qal li se jkun qed jorganizza turnament internazzjonali bil-kollaborazzjoni tal-iskola lokali tal-futbol Know How Soccer li se jsir bejn id-29 u l-31 ta’ Mejju.

It-tim tal-Manchester United huwa mistenni wkoll li f’dawn il-ġranet iqatta’ xi jiem f’Għawdex biex jilgħab logħba ta’ ħbiberija mat-tim tal-Under 15 ta’ Għawdex bil-kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Futbol Għawdxija (GFA).

Iż-żjara ta’ din is-sena tal-akkademja ta’ Manchester United issegwi żjara oħra li kienet saret fl-2009 meta t-tim tal-U18 kien żar Malta u lagħab partita ta’ ħbiberija kontra Hibernians fil-ground tal-Hibs.

Paul Pogba u Jesse Lingard, li t-tnejn li huma kienu għadhom mhux magħrufa, kienu parti mit-tim li lagħab f’Malta.

Il-klabb ta’ Malta huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu fid-dinja.