U-turn ITS f’Għawdex: L-istudenti infurmati lbieraħ

Wara li l-ġimgħa li għaddiet ġew infurmati li l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) f’Għawdex din is-sena akkademika mhux se jiftaħ, l-istudenti li applikaw, ilbieraħ ġew infurmati li jistgħu jsegwu l-kors f’Għawdex.

F’imejl li ntbagħtet lill-applikanti, ir-Reġistratur tal-ITS infurmahom li mit-23 ta’ Settembru li ġej se jiftħu żewġ korsijiet: Foundation in Hospitality & Tourism u Certificate in Food Preparation & Services.  

Infurmawhom li se jkollhom isegwu l-kors f’Malta

Il-ġimgħa li għaddiet, il-ġenituri tal-applikanti ġew mgħarrfa li wliedhom se jkollhom isegwu l-kors f’Malta minħabba li “ma applikawx biżżejjed studenti f’Għawdex”. Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li kienu applikaw tmien studenti għall-ITS fil-Qala. Din iċ-ċifra tikkuntrasta maċ-ċifri tal-2013, meta kien hemm 80 student isegwu korsijiet part-time jew full-time fl-Istitut.

L-ITS f’Għawdex se jiftaħ; ġenituri infurmati li magħluq

Il-Ministeri jiddiskutu bejniethom

Is-Sibt li għadda, għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Ministeru għal Għawdex qal li l-Ministeru għal Għawdex għaddej f’diskussjonijiet mal-Ministeru għat-Turiżmu biex il-korsijiet ikomplu jingħataw f’Għawdex. Ftit wara, għall-istess mistoqsijiet, kelliem għall-Ministeru għat-Turiżmu stqarr li l-korsijiet f’Għawdex se jibqgħu jiġu provduti fil-Kampus ta’ Għawdex kif kienu pprovduti s-sena li għaddiet. Fisser li l-Ministeru ma aċċettax il-proposta tal-management biex il-korsijiet f’Għawdex ma jsirux.

“Kull nuqqas ta’ opportunità ta’ taħriġ taffettwa ħażin lit-turiżmu”

Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f’Għawdex, li saħaq li l-ITS huwa istitut importanti għal Għawdex, b’mod partikolari minħabba li l-ekonomija Għawdxija hi dipendenti ħafna fuq it-turiżmu.

Joe Muscat stqarr li l-GTA hija favur li l-korsijiet fil-Kampus ta’ Għawdex jibqgħu jsiru. Fisser li biex japplikaw aktar studenti Għawdxin, għandu jkun hemm sinerġija ta’ sforzi bejn l-imsieħba fis-settur.  Muscat, li ddeskriva l-ITS fil-Qala bħala istitut mgħammar sew, irrimarka li t-turiżmu f’Għawdex għandu jiġi servut b’impjegati mħarrġa tajjeb fil-kategoriji kollha tas-settur. Żied jgħid li kull nuqqas ta’ opportunità ta’ taħriġ fil-qasam, jaffettwa t-turiżmu f’Għawdex b’mod negattiv.

Il-maġġoranza tal-ħaddiema fil-lukandi u fir-restoranti Għawdxin huma barranin.