U-turn dwar il-klima bl-approvazzjoni tal-iżvilupp fil-Qala – KA

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) sostniet li l-pajjiż reġa’ għamel pass lura dwar it-tibdil fil-klima wara li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat żvilupp fil-Qala.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni innutat b’sodisfazzjon l-approvazzjoni ta’ mozzjoni mill-Parlament Malti li tiddikjara emerġenza fil-klima. Intant semmiet kif din id-deċiżjoni ġiet imtappna meta lbieraħ tħabbret id-deċiżjoni li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat applikazzjoni biex binja mitluqa fuq art barra ż-żoni tal-iżvilupp fil-Qala tinbidel f’villa moderna.

Insistiet li deċiżjonijiet bħal dawn juru insensittività kbira min-naħa tal-awtoritajiet għall-wirt naturali tal-Gżejjer Maltin. Irrimarkat li hija qabża lura mill-aħbar tajba ta’ għaxart ijiem ilu. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li din id-deċiżjoni turi li l-prijorità aktar qed jeħodha min għandu interess li jħaxxen butu milli l-komunitajiet.

Aqra: Permess biex għorfa fil-Qala tinbidel f’villa

Intant, il-Kummissjoni esprimiet it-tama li l-Parlament għaraf l-emerġenza li fiha tinsab il-popolazzjoni dinjija u Malta tibda wkoll tagħti sehemha fil-ġlieda għal klima aħjar. Sostniet li l-urġenza li jittieħed kull pass biex jitrażżan it-tibdil klimatiku m’għandhiex titħalla biss imniżżla fil-minuti tal-laqgħa tal-Kamra tad-Deputati, imma tissarraf f’azzjoni immedjata għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet ta’ issa u dawk futuri.

Intant, semmiet kif bħala Kummissjoni appellat aktar minn darba biex issir reviżjoni tar-Rural Policy and Design Guidance, li permezz tagħha ġie approvat dan l-iżvilupp. Dan l-appell sa issa waqa’ fuq widnejn torox, u dan id-dewmien se jkompli jaġevola lil kull min ma jinteressahx mill-protezzjoni tal-ambjent.

Il-Kummissjoni ħeġġet lill-Awtorità dwar ir-Riżorsi u l-Ambjent biex tappella b’mod rigoruż mid-deċiżjoni dwar l-Iżvilupp fil-Qala.