‘L-akbar problema għall-kumpaniji hi li ma jafux meta se jkun it-tmiem’

Read in English.

Il-Head of Policy tal-Kamra tal-Kummerċ Andre Fenech qal li l-akbar problema tal-kumpaniji hi li ma jafux kemm se ddum il-kriżi tal-coronavirus.

Fenech qal dan f’Newsbook Q&A li kompla jiddiskuti l-pakketti finanzjari li nieda l-Gvern bħala għajnuna għall-intrapriżi li ħadu daqqa bl-imxija tal-COVID-19. 

Fil-programm ħadu sehem Andre Fenech, Head of Policy Malta Chamber of Commerce, Marvin Gaerty, Commissioner for Revenue, Philip Fenech, Deputy President Malta Chamber of SMEs, u Anthony David Gatt, Manager Investments Malta Enterprise. Il-programm ġie ppreżentat minn Sylvana Debono, Editor-in-Chief ta’ Newsbook.com.mt.

Il-Kamra tal-Kummerċ nediet survej ieħor – Andre Fenech

Andre Fenech qal li hija problema għan-negozji li m’għandhomx idea tal-bidu u t-tmiem tal-coronavirus. Qal li din toħloq problem dwar l-impjiegi u kwistjonijiet oħra. Żvela li l-Kamra nediet survej ieħor fost il-membri tagħha biex janalizzaw x’se jkun l-impatt tal-virus fuq il-kumpaniji. Spjega li fl-aħħar ġimgħat l-intrapriżi bdew jindunaw li l-pandemija mhux se tkun ħaġa ta’ perjodu qasir.

Fi kliem Fenech it-turiżmu se jieħu ż-żmien biex jirkupra – aktarx mhux sal-aħħar ta’ din is-sena jew il-bidu tal-2021.

€800 għal Annex A – Gatt

Gatt tkellem dwar l-għajnuna li qed tqassam il-ME. Tkellem dwar it-€350 għal kumpaniji b’nies kwarantina obbligatorja. Hemm ukoll kumpanija fl-Annex A li qed jieħdu €800 għal kull ħaddiem. Dawk f’Annex B jieħdu bejn €160 u €350. Spjega li kumpaniji f’Annex B huma dawk li għalaq il-Gvern jew li intlaqtu bl-akbar mod. Dawk f’Annex B ikunu dawk li ntlaqtu inqas.

Andre Fenech qal li bil-miżuri tal-lum, xorta se jkun hemm madwar 23,000 persuna li se jitilfu x-xogħol tagħhom. Qal li huwa importanti li ssir reviżjoni kontinwa ta’ dawk in-negozji li jistgħu japplikaw għal Annex A.

Konċernati dwar jekk ġewx aċċettati – Gaerty

Gaerty tkellem dwar il-miżuri ta’ tax deferrals li ħareġ il-Gvern. Hu wkoll kien tal-opinjoni li hija problema li n-nies ma kinux jafu meta se jasal it-tmiem. Spjega kif min iħaddem qed ikun aktar konċernat dwar jekk ġiex aċċettat biex jirċievi l-għajnuna milli dwar il-flus. Qal li jekk wieħed għandu xi mistoqsijiet, ikun aħjar jekk dawn jintbgħatu f’email minflok isiru f’telefonata.

In-negozji se jkollhom jirrankaw – Philip Fenech

Philip Fenech qal li meta tispiċċa l-pandemija n-negozji se jkollhom jerġgħu jibdew mill-bidu. Dwar is-settur turistiku qal li dan jiddependi wkoll fuq is-sitwazzjoni f’pajjiżi oħra. Qal li meta jerġa’ jinfetaħ is-suq tat-turiżmu, Malta se tkun qed tikkompeti ma’ ħafna destinazzjonijiet oħra.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn