Twissijiet jekk se ssiefer…

Kull sena, għadd ta’ persuni jispiċċaw ingannati waqt li jkunu fuq btala barra minn Malta.
Dawn huma xi pariri għal min jivvjaġġa biex ma jispiċċax ingannat minn persuni bla skrupli.
Il-meter bil-ħsara: Xi xufiera tat-taxi jgħidulek waqt jew fl-aħħar tal-vjaġġ li l-meter bil-ħsara, sabiex jitolbuk iktar flus milli suppost. Tagħmel tajjeb li tiċċekja li l-meter jaħdem qabel titla’ fil-karozza. Tista’ tinnegozja rata u jekk ix-xufier ma jaqbilx, mur għand xi ħaddieħor.
Il-lukanda overbooked: Tattika oħra hi meta ssib lil xi ħadd ma tafux jistennik l-ajruport u jgħidlek li l-lukanda tiegħek m’għandiex post għalik jew li l-attrazzjoni li xtqat tara laħqet għalqet. B’hekk joħduk x’imkien ieħor fejn jaqilgħu kummissjoni. Importanti li tiċċekja inti stess direttament mal-lukanda jew mal-post fejn xtaqt tmur.
Iwaqqgħu fuqek: Attenti wkoll għal persuni li b’mod “aċċidentali” iwaqqgħu xi ħaġa fuqek, bl-iskop li jaljenawk u joħdulek xi ħaġa mill-but jew mill-basket.
Pulizija foloz: Din tiġri l-aktar fi bliet kbar. Persuna jew persuni jiġu fuqek joffrulek xi ħaġa, l-aktar xi droga llegali, u f’daqqa waħda jiġi fuqek xi ħadd li jagħmilha ta’ pulizija u  jitolbok il-walllet u l-passaport. L-iskop ikun biex jisirqek, għalhekk għandek tistaqsi lill-pulizija għall-identifikazzjoni tiegħu. Għandek tħalli l-passaport fil-lukanda.
“Għajnuna fuq l-ATM”: Persuna għandha mnejn tiġi ħdejk taparsi toffrilek l-għajnuna meta fil-fatt tkun trid tara n-numru tal-PIN biex tipprova tisirqek. Għatti fejn iddaħħal in-numri u kun ċert li ma hemm ħadd ħdejk jittawwallek waqt li tuża l-ATM. Jekk hemm xi ħadd, ħassar it-transazzjoni u mur uża magna oħra.
“Noħdilkom ritratt?”: Meta tkun f’post fejn hemm ħafna turisti, jista’ jiġi xi ħadd fuqek li joffrilek biex jieħu ritratt tal-grupp tiegħek u meta tlestu, jisparixxi bil-kamera. Għalhekk l-aħjar hu li titlob turisti oħrajn joħdulkom ir-ritratt u tpatti lura bl-istess pjaċir.
WIFI falz: Xi hackers joħolqu WIFI spots foloz li ma jkunux siguri f’postijiet stooriċi popolari. L-iskop tagħhom hu li jippruvaw jaqbdu mas-sistema tiegħek biex jisirqu l-password u d-dettalji tal-accounts. Importanti li tistaqsi lill-xi ħadd ta’ fiduċja, għall-aċċess ta’ WIFI sigur.
Telefonata fil-lukanda: Jekk xi ħadd iċempillek fil-kamra tal-lukanda għad-dettalji tal-kard tal-bank tiegħek, tagħtix dawn id-dettalji minn fuq it-telefon. Tista’ tgħidilhom li se tinżel inti stess fir-reception biex tiċċekja x’inhi l-problema.