Twissija ta’ ġuħ kbir fis-Sudan t’Isfel

Skont l-Aġenzija Kattolika għall-Iżvilupp Barrani, is-Sudan t’Isfel is-sena d-dieħla se jiffaċċja nuqqas kbir ta’ ikel li jwasslu għal livelli perikolużi.
Il-kunflitt intern fil-pajjiż wassal komunitajiet sħaħ biex jabbandunaw l-għelieqi tagħhom fi żmien meta diġà qed jiffaċċjaw problema kbir ta’ nixfa. Il-ġlied fixkel milli taslilhom l-għajnuna li għandhom bżonn.
Cathy Hynds, ir-rappreżentanta tal-Aġenzija Kattolika fil-pajjiż, qalet li “l-ġlied kontinwu wassal għal kundizzjonijiet umanitarji ħżiena u dan kompla kabbar il-kriżi tal-ikel fil-pajjiż”.
L-Isqof Barani Eduardo Hiiboro Kussala qal li “mijiet ta’ eluf ta’ persuni saru refuġjati u l-ġlied ittrasforma dak li darba kien pajjiż sinjur f’wieħed mill-ifqar pajjiżi fir-reġjun. Il-vjolenza hi kbira u faċli, iżda għall-fqir, kulma tfisser hi agunija jew ħarba mill-pajjiż. Pajjiż b’popolazzjoni hekk żagħżugħa, ma jistax jaħlu l-ġid tiegħu fi gwerer li minnhom ma jirbaħ ħadd”.
Skont l-Aġenzija dwar l-Ikel, aktar minn miljun tifel u tifla taħt il-ħames snin is-sena d-dieħla mhux se jkollhom ikel biżżejjed filwaqt li aktar minn nofs il-popolazjoni ta’ sitt miljun persuna, se jiffaċċjaw ġuħ kbir. 
Din it-twissija saret filwaqt li l-gwerra ċivili fil-pajjiż issa daħlet fil-ħames sena tagħha.
Hu mbassar li d-djar se jispiċċaw bla ikel qabel Jannar li ġej, tliet xhur qabel is-soltu.  Minħabba f’hekk il-prezzijiet tal-ikel għolew b’260 % u allura ħafna familji ma jistgħux jixtru ikel.
S’issa ħaddiema volontarj wasslu ikel ta’ emerġenza lil 25,000 persuna.
Il-ġimgħa li għaddiet, l-Isqof Kussala mexxa laqgħa tal-mexxejja reliġjużi u gvernaturi minn madwar il-pajjiż, li fiha ħeġġeġ biex ikun hemm il-paċi u l-prosperità.
Min-naħa l-oħra l-Isqof William Kennu ta’ Birmingham fl-Ingilterra appella lill-Kattoliċi biex jitolbu għal ħuthom li huma mwerwra bil-ġlied.  Hu għamel dan l-appell wara li żar is-Sudan t’Isfel ftit taż-żmien ilu.
Il-ġimgħa li għaddiet f’mewġa oħra ta’ vjolenza nqatlu 170 persuna oħra u dawn wassal biex il-President Salva Kir jiddikjara stat ta’ emerġenza.