Twissija serja lill-Gvern: “Postijiet fejn l-istrip clubs jattiraw l-agħar tip ta’ kriminalità”

Il-Konfederazzjoni tal-Għaqdiet tan-Nisa Maltin (MCWO) qed twissi direttament lill-Gvern, li rapporti tal-Pulizija u statistiċi, jikkonfermaw li postijiet fejn hemm strip clubs jattiraw l-agħar tip ta’ kriminalità.
Fi stqarrija, il-Konfederazzjoni saħqet li dawn il-postijiet jattiraw l-iktar swieq illegali possibbli, inkluż il-kummerċ tas-sess fejn in-nisa jsiru oġġett.
“L-istrip clubs, il-prostituzzjoni u t-traffikar marbutin flimkien”
Fakkret kif ilha mill-2013 ittenni li l-istrip clubs, il-prostituzzjoni u t-traffikar huma marbutin flimkien. Allegat li l-attivitajiet sesswali jsiru fi kmamar apposta, f’appartamenti jew f’lukandi qrib l-istrip clubs, għalkemm is-sidien tagħhom jippruvaw ipinġu faċċata aktar aċċettabbli għal dan in-negozju maħmuġ.
L-MCWO kompliet tfisser kif l-istrip clubs jattiraw l-irġiel għas-sess u li timplika li s-sess ma jseħħx huwa ekwivalenti għal li kieku l-ewwel irġiel jiġu mistiedna għal ikla, u wara li jduqu l-ikel jitħallew bil-ġuħ.
Sostniet li l-Gvern għandu d-dmir li jilleġiżla għall-ġid komuni, mhux għall-benefiċċju tas-sidien ta’ dawn il-klabbs.  Qalet li jekk jibdew joperaw b’aktar  leġittimità, ikunu qed jgħinu fin-normalizzazzjoni tal-prostituzzjoni u l-abbuż sesswali.
“L-hekk imsejħa massage parlours għandhom jitqiesu wkoll”
Tissuġġerixxi li l-awtoritajiet iħarsu lejn l-industrija tas-sess b’mod olistiku, u mhux jitolbu lis-sidien biex jistabbilixxu regoli, dwar x’għandhom jilbsu l-istrippers u kif iġibu ruħhom il-klijenti.
Saħqet li f’dan il-proċess, għandhom jitqiesu wkoll l-hekk imsejħa massage parlours, li fi kliemha, issa qed ikunu ta’ tħassib anke għas-sidien tal-klabbs, għax jafu li għandhom kompetizzjoni diretta.
“Il-baġit kontra t-traffikar: ħmerija”
Il-Konfederazzjoni tal-Għaqdiet tan-Nisa Maltin qalet ukoll li l-Gvern Malti mhux qed jilħaq l-istandards minimi biex jiġi eliminat it-traffikar. Iddeskriviet il-baġit ta’ €20,000 allokat għal dan l-għan bħala “ħmerija”.
Spjegat li kif indikat fir-rapport tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti dwar it-traffikar, “il-Gvern għandu jindirizza b’mod serju l-kwistjoni tat-traffikar, fejn nisa miċ-Ċina, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, ir-Russja u l-Ukraina qed jiġu traffikati f'Malta għall-industrija tas-sess”.
Intervista esklussiva għada fuq Newsbook.com.mt, ma’ Dr Anna Borg, membru tal-Konfederazzjoni
Ritratt: Arkivji