Twissija mill-Istati Uniti dwar vjaġġar madwar id-dinja

L-Istati Uniti ħarġu twissija lill-poplu Amerikan dwar vjaġġar madwar id-dinja, b’rabta maż-żieda fit-theddidiet terroristiċi. It-twissja se tibqa’ fis-seħħ sal-24 ta’ Frar li ġej.
L-awtoritajiet Amerikani qalu li “l-informazzjoni preżenti” turi li l-Istat Iżlamiku, l-Al-Qaeda, il-Boko Ħaram u oħrajn qed ikomplu jippjanaw attakki terroristiċi f’diversi reġjuni.
Fl-istess waqt qalu li bħalissa jaraw li ma hemm l-ebda raġuni li ċ-ċittadini Amerikani huma fil-mira.
Dwar din il-pożizzjoni, il-Gvern Malti qal fi stqarrija li din mhix l-ewwel okkażjoni fejn l-Istati Uniti jagħmlu dawn l-avviżi u li saru wkoll rimarki dwar Malta fil-passat.
Il-Gvern qal li l-avviż tal-ivjaġġar fil-pajjiżi kollha membri fix-Schengen huwa simili.
L-istqarrija ssostni li l-Gvern Malti diġà ħabbar id-deċiżjoni li jerġa’ jintroduċi l-kontrolli u li jżomm fis-seħħ is-sospensjoni tax-Schengen bħala prekawżjoni.
Il-Gvern qal li m’hemmx indikazzjonjiet ta’ theddida kontra Malta.
Il-Pulizija fi Franza tinvestiga ċintorin bl-isplussivi li ntrema fi triq f'Pariġi
Sadanittant, il-Pulizija Franċiża qed teżamina dak li jidher li hu ċintorin bl-isplussivi li ntrema fi triq f’Pariġi.
Dan iċ-ċintorin suwiċida, li hu simili għal dawk li ntużaw mit-terroristi fit-13 ta’ Novembru f’Pariġi, instab f’kontenitur tal-iskart fir-reġjun ta’ Montrouge.
Wieħed mis-suspettati, Salah Abdeslam kien fl-inħawi fejn intrema ċ-ċintorin
Skont l-investigazzjonijiet, wieħed mit-terroristi, Salah Abdeslam, li ħuh sploda lilu nnifsu fl-attakki, kien fl-inħawi ta’ Montrouge fit-13 ta’ Novembru. Hemm possibilità li Abdeslam ippjana li jisplodi ċ-ċintorin imma warrab il-pjan minħabba xi problema teknika.
Saleh Abdeslam għadu qed jiġi mfittex fi Franza u fil-Belġju
It-tfittxija intensiva għal Salah Abdeslam għadha għaddejja fi Franza u fil-Belġju.
Fi Brussell l-iskejjel u l-metro llum magħluqin ukoll
Fil-kapitali Belġjana, Brussell, l-iskejjel u l-metro se jibqgħu magħluqin illum ukoll. Hu ppjanat li jiftħu mill-ġdid għada, iżda l-livell tal-allert se jibqa’ għoli għal mill-inqas ġimgħa oħra.
L-armata Amerikana ġarrfet aktar minn 238 trakk tal-fuel tal-Istat Iżlamiku
Fi żvilupp separat, l-armata Amerikana ġarrfet aktar minn 238 trakk tal-fuel ikkontrollati mill-militanti tal-Istat Iżlamiku fis-Sirja.
Qabel ma splodiet it-trakkijiet, l-Istati Uniti sparaw tiri ta’ twissija biex is-sewwieqa jitilqu minn fuq il-post.