TWISSIJA mill-Gvern dwar il-kesħa

Il-Gvern ħareġ twissija dwar it-temp kiesaħ li mistenni jolqot lil Malta fil-jiem li ġejjin.
Fi stqarrija, permezz tad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni mill-Mard, il-Gvern qal li l-aktar affettwati huma l-anzjani, it-tfal żgħar u dawk li jbatu minn mard kroniku.
Spjega li dawk kbar fl-età, ibatu aktar biex jisħnu u għaldaqstant ikunu aktar f’riskju li togħla l-pressjoni, li jkollhom attakki tal-qalb u ta’ puplesija.
Jenfasizza li kulħadd joqgħod f’ambjenti sħan, jieklu ikel sħun u jixorbu xarbiet sħan, jilbsu tajjeb jekk ikunu ħerġin u jevitaw l-alkoħol u t-tabakk għax iżidu l-effetti tal-kesħa.
Javża lill-qraba u lill-ħbieb tal-anzjani u dawk vulnerabbli, biex ikellmuhom aktar ta’ spiss, speċjalment jekk jgħixu waħedhom.
Id-Direttorat javża wkoll biex f’temp kiesaħ:

  • Aċċerta li t-temperatura fil-kmamar tas-sodda tkun madwar 18-il grad, living rooms 21°C
  • Agħlaq il-purtieri hekk kif tinżel ix-xemx biex iżżomm is-sħana ġewwa.
  • Ilbes iktar minn saff wieħed tal-ħwejjeġ minflok saff wieħed oħxon
  • Jekk m’għandekx problema ta’ mobbiltà, żomm ruħek attiv
  • Kul mill-inqas ikla waħda sħun u xarbiet sħan regolari
  • Għin lill-ħbieb u lill-qraba li għandhom xi kundizzjoni, anzjani jew jgħixu waħedhom 

Hekk kif jonqsu t-temperaturi, jiżdiedu l-irjieħat u l-influwenza u għaldaqstant hu importanti li wieħed: 

  • Jevita kuntatt ma’ persuni morda bl-influwenza
  • Jaħsel idejh spiss bis-sapun u l-ilma
  • Jirrispetta l-etikett meta jisgħol
  • Joqgħod id-dar jekk iħossu ma jiflaħx
  • Jieħu t-tilqima tal-influwenza

Il-Ministru għas-Saħħa jfakkar ukoll lill-pubbliku li l-vaċċin staġjonali huwa disponibbli b’xejn miċ-ċentri tas-saħħa għaċ-ċittadini Maltin kollha.
Xerred dan l-artiklu ma' ħbiebek u qrabatek