Twissija lill-politiċi kattoliċi li jappoġġjaw l-abort

Il-Kardinal Jorge Medina Estevez, ex Isqof ta’ Valparaiso li għandu 90 sena,, bagħat ittra lil ġurnal Ċilen li fiha afferma t-tagħlim tal-Knisja li dawk il-politiċi ta’ Kattoliċi li jappoġġjaw l-abort, ma jistgħux jirċievu s-sagramenti qabel juru pubblikament li nidmu min-nuqqas gravi tagħhom.
Fl-ittra tiegħu l-Kardinal Medina, iddeskriva d-deċiżjoni taċ-Ċile li jiddekriminaliżża l-abort bħala “attroċita”. Dan il-pajjiż li żewġ terzi tal-popolazzjoni tiegħu huma Kattoliċi, sa ftit żmien ilu kellu l-aktar liġijiet favur il-ħajja fid-dinja.  Imma bil-liġi li għaddiet riċentement, in-nisa se jkunu jistgħu jagħmlu abort jekk ħajjithom tkun fil-periklu, jekk ikunu stuprati u “jekk il-fetu ma jkunx vijabbli”.
Il-Kardinal qal li l-kelma “dekriminaliżazzjoni” li jużaw dawk li huma favur l-abort hi biss ewfemiżmu “biex jaħbi ir-realta attroċi tal-qtil legalizzat ta’ tarbija innoċenti”. Sostna li dawk il-politiċi li appoġġjaw il-liġi huma kompliċi fil-ħażen u ma għandhom jirċivu ebda vot minn min hu nisrani qabel ma pubblikament jindem u juri dispjaċir għal dak li għamel.
Hu żied li jekk dawn il-politiċi jmutu qabel ma juru sinjal ċar ta’ ndiema, anqas jistgħu jingħataw funeral kattoliku. “Indiema pubblika hi indispensabbli għas-salvazzjoni eterna tagħhom”.
Il-President tal-pajjiż, Michelle Bachelet jidher li qed tuża l-aħħar xhur tal-presidenza tagħha biex tara din il-liġi fis-seħħ. Issa l-uniku ostaklu li fadal hu t-Tribunal Kostituzzjonali Ċilen li jrid jiddikjara jekk il-liġi tiksirx il-kostitutzzjoni jew le.
Il-Kamra tad-Deputati Ċilena ivvota favur l-abort f’Marzu 2016.  Xhur wara, dawk it-33 ħaddiem li kienu ntradmu f’minjiera u kienu salvati, kienu bagħtu ittra miftuħa lill-President kontra l-legaliżazzjoni tal-abort u f’Marzu ta’ din is-sena madwar 170,000 persuna favur il-ħajja għamlu marċ fit-toroq tal-kapitali Santiago biex jiċċleberaw it-trabi mhux mitwielda.