Twissija għax qiegħed il-madum ħażin

It-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi ħareġ avviż pubbliku biex jgħarraf u jidentifika lil Charles Agius wara li ma aċċettax li jħallas is-somma mitluba ta’ €2,500 lill-konsumatriċi wara li għamel xogħol parzjalment difettuż.

Huwa ma aċċettax li jħallas il-flus mitluba minħabba nuqqas ta’ rċevuti marbuta fosthom; mal-ispejjeż tal-electrician u l-madum addizzjonali li xtrat.

F’Awwissu tal-2016, il-konsumatriċi qabbdet lil Agius biex jagħmel xi xogħol fil-propjetà tagħha, fosthom it-tqegħid tal-madum fit-terrazzin u f’kamra tal-banju.

Is-somma miftehma għal dan ix-xogħol kienet ta’ €2,600, b’depożitu ta’ €700. Hija leħqet ħallset id-depożitu flimkien mal-ewwel pagament, iżda x-xogħol ma tlestiex fiż-żmien miftiehem.

Agius bagħat lil ibnu biex ikompli x-xogħol, iżda l-konsumatriċi qalet li x-xogħol ma sarx sew u l-madum kien qed iżomm l-ilma. Apparti minn hekk, terzi persuni daħlu f’darha biex jagħmlu xi xogħol mingħajr il-kunsens tagħha.

Wara li t-Tribunal ħatar Perit biex toħroġ rapport tekniku, ġie deċiż li l-kolla użata biex jitwaħħal il-madum u d-deċiżjoni li jitwaħħal madum ġdid fuq dak li diġà kien hemm wassal għall-problemi.

It-Tribunal qal li l-obbligu ta’ Agius kien li joffri l-aħjar parir u ma jaċċettax li jagħmel ix-xogħol jekk ħass li t-tqegħid ta’ madum ġdid fuq dak qadim kien se jġib il-problemi.