Awdjo: Twissija dwar scam calls minn Franza

Qegħdin isiru ċempiliet b’numru Franċiż li huma frodi, maħsuba sabiex jinsterqu l-flus jekk wieħed iwiġibhom. Dr Mark Xuereb minn Crisis Resolution Malta qal li dawn possibbilment qed jostakolaw terapija neċessarja biex persuna żżommha ħajja, peress li qegħdin iċemplu fuq in-numru tal-organizzazzjoni u jieħdu mill-ħin prezzjuż li din l-organizzazzjoni tuża biex tgħin lil nies li jkollhom ħsibijiet suwiċidali u xi problemi oħra.

Dr Xuereb qal lil Newsbook.com.mt li min qed iċempel b’dan il-mod huwa “bla kuxjenza,” għaliex ikunu qegħdin jinħlew ir-riżorsi tal-organizzazzjoni, peress li fil-każ ta’ dawn l-iscam calls, il-pubbliku hu mwissi biex jibblokkja n-numru in kwistjoni, jonkella jinjora ċempiliet li jaslulu minn pajjiżi mbegħdin. Il-problema din id-darba hija li l-pajjiż minn fejn jidhru li qegħdin iċemplu hu eqreb ta’ Malta u hu pajjiż Ewropew, għalhekk dak li jkun jaf jaħseb li jista’ jafdah.

Huwa sostna li dan hu aġir kundannabbli, u li jeħtieġ li l-awtoritajiet jieħdu passi fuqu, għax din id-darba mhux biss qed jisirqu mingħand in-nies, imma possibbilment qegħdin jisirqu t-tama tan-nies li jkollhom bżonn l-għajnuna ta’ Crisis Resolution Malta f’dak il-mument, għaliex dawn jaħsbu li lanqas in-nies li suppost jgħinuhom ma jridu jisimgħu mingħandhom.

Intant, Newsbook.com.mt irċieva informazzjoni li qegħdin jintużaw ukoll numri minn Seychelles fl-Afrika u mill-inħawi Amerikani sabiex isiru dawn iċ-ċempiliet b’intenzjonijiet ħżiena.