Twissija dwar kumpanija mhux awtorizzata – MFSA

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) qiegħda twissi lill-pubbliku dwar l-entità bl-isem Jibi BANK Plc, li qiegħda tigdeb meta tgħid li hi reġistrata Malta u li hi approvata bħala istituzzjoni bankarja mill-MFSA.

L-MFSA ħarġet stqarrija li fiha sostniet li dan mhux minnu, u lanqas ma hu minnu li għandha l-uffiċċju reġistrat f’dan l-indirizz: Tagliaferro Business Centre, Level 6, 14 High Street, Tas-Sliema. Apparti dan, in-numru li l-kumpanija qed tgħid li hu tagħha, huwa numru li jappartjeni lil entità oħra.

Għaldaqstant, l-MFSA qiegħda twissi lill-pubbliku, f’Malta u barra, biex ma jidħlux f’negozju jew jagħmlu xi tranżazzjonijiet mal-entità msemmija.

Il-lista ta’ entitajiet liċenzjati mill-Awtorità hija disponibbli mingħand l-MFSA u tista’ tiġi aċċessata minn fuq is-sit uffiċjali tal-MFSA.