Aġġornata: Twissija dwar iż-żieda fil-prezz tal-pastizzi

L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur qalet li l-ftehim sabiex jogħla l-prezz tal-pastizzi bi 33% huwa illegali.

Hija qalet dan b’rabta ma’ rapporti fil-midja li qalu li sar xi ftehim bejn produtturi tal-pastizzi biex jgħollu l-prezz.

L-Awtorità fakkret kif arranġamenti bħal dawn dwar il-prezzijiet huma projbiti skont il-liġi u jmorru kontra l-Att dwar il-Kompetizzjoni.

Iċċarat li l-produtturi tal-pastizzi għandhom jiddeterminaw il-prezzijiet tal-pastizzi b’mod individwali.

L-Awtorità sostniet li jekk jinstab li verament inkisret xi liġi dwar il-kompetizzjoni, se tmexxi bil-proċeduri stabbiliti fl-Att dwar il-Kompetizzjoni fil-konfront ta’ min huwa responsabbli.

Newsbook.com.mt ikkonferma li sa dalgħodu mhux tal-pastizzi kollha għollew il-prezzijiet tagħhom bl-istess mod.

Madankollu lbieraħ filgħaxija diversi mezzi tax-xandir qalu li l-prezz tal-pastizzi kellu jitla’ minn 30ċ għal 40ċ.

Gvern lest jieħu azzjoni maż-żgħir – PN

Il-Partit Nazzjonalista (PN) qal li l-Gvern lest jieħu azzjoni maż-żgħir iżda mhux li jħallas lura s-serq li jagħmel hu stess.

Fi stqarrija, il-PN qal li l-Gvern lest li jieħu azzjoni kontra l-bejjiegħa tal-pastizzi filwaqt li l-Gvern “ilu jisraq lin-nies bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għal aktar minn 3 snin.” Il-partit qal li lest li flimkien mal-konsumaturi jieħu dan l-każ l-Qorti.