Twieled f’kamp tar-refuġjati: sar plejer professjonali

Huma ftit il-plejers professjonali li jistgħu jikkumparaw l-istorja tagħhom mal-istorja ta’ Alphonso Davies – wieħed miż-żgħażagħ ta’ Bayern Munich.

Hu twieled f’kamp tar-refuġjati l-Gana lura fl-2000, wara li l-ġenituri tiegħu telqu minn pajjiżhom li kien għaddej mit-tieni gwerra ċivili Liberjana. Biex imbagħad marru l-Kanada meta l-plejer kellu biss ħames snin.

Davies ingħaqad ma’ Vancouver Whitecaps fl-2015 meta kellu biss 14-il sena. Hu għamel id-debutt tiegħu fl-MLS sena wara u l-akbar pass tiegħu fil-futbol wasal fl-2018. Dan kien meta wieħed mill-klabbs ġganti tal-Ewropa Bayern ħalsu ammont rekord għall-kampjonat tal-MLS biex kisbu lil Davies. B’hekk iż-żgħażugħ malajr spiċċa jikkompeti mal-aqwa stilel tal-futbol.

Davies irrakkonta kif meta wasal għall-ewwel darba fil-grawnd lanqas seta jemmen lil għajnejh. Qal li l-ewwel ma ltaqa’ miegħu kien Arjen Robben li kif rah mar jiħodlu b’idu u introduċa lilu nnifsu.

S’issa Davies lagħab għaxar darbiet ma’ Bayern u skurja darbtejn.