“Twieled bis-saħħa ta’ Simon Schembri; illum għandu 5 snin”

Il-kuntistabbli tal-Pulizija Simon Schembri reġa’ ltaqa’ mat-tifel li twieled bis-saħħa tiegħu fl-2013. It-tifel li jismu Julian Cassar illum għandu 5 snin.

F’post fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Simon Schembri Blue Light Foundation ittellgħu ritratti juru din il-laqgħa taċ-ċkejken Julian ma’ Schembri. Propju ħames snin u nofs ilu, it-tifel twieled bis-saħħa ta’ ġest erojku ta’ Schembri.

Il-familja Cassar stiednu f’darhom lil Schembri u martu fejn anke għamlu ġabra u taw donazzjoni lill-Fondazzjoni.

Simon Schembri jerga jzomm fi drieghu lil Julian Cassar. It-tarbija li f’Gunju tal-2013, hames snin u nofs ilu twieldet…

Posted by Simon Schembri Blue Light Foundation on Saturday, December 29, 2018

Schembri kien wieħed mill-mistiedna tliet snin ilu waqt il-programm Kont Hemm, li kien jixxandar fuq RTK 103FM, u kien jittratta mumenti meta persuni partikulari kienu hemmhekk fil-mument li kien hemm bżonnhom.

Il-pulizija Schembri kien qabbeż it-traffiku għal mara li kienet qed twelled

Il-kuntistabbli jsemmi meta darba, fis-26 ta’ Ġunju 2013, irnexxielu jwassal mara l-isptar li kienet inqabdet fit-traffiku u ma kinitx se twassal biex twelled. Jirrakkonta kif kienet deċiżjoni ta’ dak il-mument li salvat lit-tarbija mhux imwielda. Schembri qal li seta’ qabad u għenha twelled għax kellu esperjenza mit-tfal tiegħu, jew iħalli l-mutur u jipprova jsuq kif jista’ minn ġot-traffiku.

Huwa kien għażel it-tieni waħda, u jgħid li ftit minuti wara li waslet l-isptar, il-mara welldet u llum iż-żewġ familji għadhom ħbieb sewwa.