“Twieldet stilla” – il-ġurnalist Taljan Gianluca Di Marzio dwar Bugeja

Hayley Bugeja. Ritratt: gianlucadimarzio.com

“Twieldet stilla u tilgħab daqs veteran,” hekk iddeskriva l-ġurnalist sportiv Taljan Gianluca Di Marzio lill-Maltija Hayley Bugeja ta’ 16-il sena li s-Sibt li għadda spiċċat fuq fomm it-Taljani u l-Maltin wara li ddebuttat bil-kbir mat-tim ta’ Sassuolo fejn skurjat doppjetta kontra Napoli Calcio

It-tim li miegħu tilgħab Bugeja rebaħ bi skor ta’ 3-1 u issa jinsab fit-tieni post tas-Serie A. Il-partita xxandret minn Skysport Italia u ż-żewġ goals ta’ Bugeja spiċċaw ‘viral’ fuq il-midja soċjali.

Fuq is-sit tiegħu Gianluca di Marzio kellu kliem ta’ tifħir għaż-żagħżugħa Maltija u saħansitra hu ħa l-kummnti tal-ġurnalist sportiv Malti Gianluca Lia li qal li “Filwaqt li għall-pubbliku il-prestazzjoni ta’ Bugeja kienet sorpriża kbira, f’Malta it-talent tagħha kien diġà spikka minn sena qabel.”

Il-ġurnalist Malti spjega lil di Marzio li “Nazzarda ngħid li f’Malta qatt ma kien hawn daqstant entużjasmu għal atleta, jew footballer mara jew raġel. Il-midja soċjali litteralment splodiet bil-kumplimenti sbieħ għal Hayley.”

Hu kompla jgħid li Hayley bħalissa għandha responsabbilità kbira fuq spallejha minħabba li qed tirrappreżenta nazzjon sħiħ.