“Twieldet it-tarbija li kont se nabortixxi”

“Kultant ikollna wkoll telefonati li jferrħuna, speċjalment meta omm iċċempel u tgħidlek li twieldet it-tarbija li qabel kellha l-ħsieb li tneħħi.” Hekk qalet  Christie Zammit lir-rivista Flimkien ta’ Lulju. Zammit tmexxi Dar Tgħanniqa ta’ Omm li hija miftuħa għal ommijiet bi tqala mhux ippjanata jew trawmi ta’ abort fil-passat.

X’inhu xogħlok fid-Dar Tgħanniqa ta’ Omm, u x’inhu l-iskop tad-Dar?

Nisa li jsibu ruħhom fi kriżi minħabba tqala jistgħu jirċievu sapport minn Life Network Foundation permezz tal-linja Life Line Malta fuq 20330023. Din l-għajnuna hija miftuħa għal min ikollu tqala mhux ippjanata, tqala b’dijanjosi negattiva, kif ukoll għal nisa jew irġiel li jfittxu għajnuna biex joħorġu mit-trawma ta’ xi abort fil-passat. Nisa tqal li ma jkollhomx fejn joqogħdu, jew li għal xi raġuni jispiċċaw homeless, nistgħu ngħinuhom permezz tal-maternity shelter ta’ “Dar Tgħanniqa ta’ Omm”.

Jiena ili sena nieħu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ Dar Tgħanniqa ta’ Omm, li tilqa’ ommijiet minn diversi sitwazzjonijiet diffiċli fil-ħajja u li jsibu kenn u programm ta’ għajnuna għalihom f’din id-Dar. Il-maternity shelter jipprovdi stabbilità meħtieġa kif ukoll programm ta’ madwar sena. Dan il-programm jinkludi ħiliet bażiċi, bħat-tisjir, personal hygiene u parental skills. Ngħinuhom ukoll jippreparaw l-affarijiet għat-tarbija. Bħalissa qegħdin fi proċess li nkomplu nestendu din l-għajnuna anki permezz ta’ partnership agreement mal-gvern, u se nkunu qed nipprovdu s-servizz ta’ carers fid-dar. Dawn ikunu jistgħu jakkumpanjaw it-tfajla, jew il-mara tqila, sat-twelid u anke wara, ħalli hija tkun kapaċi tidħol lura fid-dinja tax-xogħol u tkun indipendenti.

Inkunu favur il-ħajja għax aħna Nsara jew għax aħna bnedmin?

Id-dritt fundamentali tal-ħajja jiġi mill-fatt li sa mill-konċepiment aħna parti mill-familja umana, jiġifieri għax aħna bnedmin. Sa mill-konċepiment teżisti ħajja umana ġdida distinta, jew jeżistu ħajjiet umani ġodda u distinti. Dawn il-ħajjiet għandu jkollhom dritt li jitwieldu u jkunu protetti. Il-fatt li aħna Nsara jpoġġi fuqna obbligu doppju li nipproteġu u nkunu vuċi għal kull ħajja. Sa mill-konċepiment kull persuna hija magħmula xbieha ta’ Alla.

X’inhu dak li ta’ kuljum jispirak tagħmel dan ix-xogħol?

Ix-xogħol tiegħi jagħtini sodisfazzjon kbir, sodisfazzjon li ma nistax nispjega, għaliex ix-xogħol huwa divers ħafna. Nispiċċa nagħmel minn kollox. Ġurnata tipika tinkludi li niċċekkja li l-ommijiet fix-xelter u t-trabi tagħhom ma jonqoshom xejn, insolvi problemi tal-manutenzjoni tad-dar, niġbor donazzjoniet mingħand in-nies, u nqassam ikel u ħwejjeġ lill-ommijiet l-oħra fil-bżonn li aħna nkunu qed nissaportjaw f’darhom.

Flimkien ma’ grupp ta’ voluntiera jkolli ħin meta nirċievi t-telefonati mill-helpline. Tfajliet jew nisa miżżewġa, ħafna drabi f’paniku, iċemplu u dawn trid tismagħhom bil-ħlewwa u b’ħafna mħabba u toffrilhom l-għajnuna li jkollhom bżonn. Tisma’ minn kull tip ta’ problemi, tbatija, abbandun u abbuż!

Kultant ikollna wkoll telefonati li jferrħuna, speċjalment meta omm iċċempel u tgħidlek li twieldet it-tarbija li qabel kellha l-ħsieb li tneħħi. Nista’ ngħid li dan huwa xogħol li qed jgħallimna ħafna dwar l-esperjenza li tagħti l-ħajja. Nappella lil kull min qed jaqra dan l-artiklu biex jekk ikun jaf b’xi tfajla jew mara tqila, ma jikkundannahiex imma jipprova jifhimha u jgħinha. Agħmlu kuntatt magħna fuq 20330023!

Jekk xi ħadd irid jagħti daqqa ta’ id, x’tip ta’ għajnuniet għandkom bżonn?

Min jixtieq ikun parti minn din il-missjoni, jew jixtieq jagħti donazzjoni, jew jissieħeb biex ikun voluntier magħna, jista’ jagħmel kuntatt magħna permezz ta’ messaġġ privat fuq il-paġna ta’ Facebook tagħna Life Line Malta jew iċempel fuq 77115433, jew jibgħat email fuq lifeline@lifenetwork.eu. Min jixtieq jagħti donazzjoni jista’ jagħmel dan permezz ta’ messaġġ fuq 50618941 (€6.99) jew 50619262 (€11.65), jew revolut fuq 99446174, jew ċekk pagabbli lil Life Network Foundation (indirizz: 7, Floor 3, Life Network Foundation, Merchants Street, Valletta, VLT 1171).

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Flimkien Lulju Cover