“Twieldet Ċaqqufa!”

Bosta sensiliet li xxandru żmien ilu se jkunu qed jerġgħu jitwasslu fuq it-televiżjoni proprju fi żmien meta l-ġbid ta’ ħafna sensiliet twaqqaf minħabba fis-sitwazzjoni preżenti.

Fl-aħħar ġranet TVM ħabbar li fi ftit tal-ġranet oħra se jkun qed jerġa jwassal is-sensiela Iċ-Ċaqqufa b’kitba ta’ Frederick Zammit fuq idea ta’ Pierre Portelli għal Watermelon Media. Is-sensiela damet għaddejja għal tlett snin

L-istorja tibda fl-1972. Fil-familja ta’ Karla titwieled tarbija oħra. It-tama ta’ Karla hija li Benna, il-mara ta’ binha Salvu, ittiehom tifel. Karla kellha ambizzjonijiet kbar għal dan it-tifel il-ġdid iżda bħal sajjetta fil-bnazzi il-wild il-ġdid ma jkunx tifel iżda tifla. F’qalb Karla mill-ewwel titnissel mibgħeda bħallikieku t-tarbija twieldet tifla biex tisfidaha. U lil Karla ħadd ma kien jisfidaha. Għalhekk mill-ewwel kien ċar li d-destin ta’ Rosie, jew inkella Rożina, kif kienet issejħilha Karla, ma kienx se jkun wieħed faċli.

Mark Mifsud u Joe Farrugia, Id-Dulli

Veronica Farrugia tinterpreta lil Karla filwaqt li l-parti ta’ Rosie/Rożina hija nterpretata minn Geordie Schembri u aktar tard minn Chanelle Bonaci u wara minn Lara Azzopardi.

Jieħdu sehem ukoll Manuel Cutajar, Elizabeth Ellul Hawes, Joe Farrugia Id-Dulli, Theresa Gauci, Mark Mifsud u Paul Caruana, fost oħrajn.

Veronica Farrugia bħala Nanna Karla, kif ukoll Geordie Schembri, Chanelle Bonaci u Lara Azzopardi bħala Rożina “Iċ-Ċaqqufa”

Iċ-Ċaqqufa se tkun qed terġa’ tibda tixxandar mit-Tnejn 27 ta’ April fid-9pm fuq TVM.