Twessigħ ta’ triq f’Għawdex; 180 siġra għall-qatla

180 siġra daqt jinqalgħu mill-art, fosthom 54 speċi protetta. Dan hekk kif Infrastructure Malta għandha l-pjan li twessa’ t-triq bejn ir-Rabat Għawdex u Marsalforn.

Skont Flimkien Għal Ambjent Aħjar (FAA), ir-rapport dwar il-proġett jiddeskrivi lis-siġar bħala “periklu”. L-istess rapport, skontha, ukoll jammetti li fil-verità mhux ikun hemm traffiku kbir. Qalet li dan jifforma parti mill-proġett TEN-T, tas-Central Link.

Il-Koordinatur tal-FAA Astrid Vella qalet li dan juri li x-xogħol li se jsir m’hemmx bżonnu. Qalet li xogħol hekk, fejn se jitneħħew is-siġar, se jħassar il-karattru rurali ta’ wieħed mill-isbaħ widien f’Għawdex.

Il-Partit Nazzjonalista wkoll ikkundanna d-deċiżjoni biex jitneħħew dawn is-siġar. L-Oppożizzjoni appellat lill-Ministru l-ġdid t’Għawdex, Clint Camilleri, biex isib soluzzjonijiet alternattivi. Ukoll staqsiet jekk saritx applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent għax-xoghol li jrid isir fuq it-triq ta’ Marsalforn u jekk ma saritx din l-applikazzjoni, x’kienet r-raguni għaliex ma saritx.