​“Twemmin Nisrani jew vetrina għat-turiżmu reliġjuż?” – l-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li hija verament ħasra kif il-bniedem irriduċa t-twemmin Nisrani, il-kult u ċ-ċelebrazzjonijiet bħala vetrina għat-turiżmu reliġjuż.
Semma kif b’hekk, uħud ikunu nies tal-Knisja iżda mhux Kristjani.
Fl-omelija fil-festa tal-Verġni Mqaddsa tal-Karmelu fil-Knisja tax-Xewkija, l-Isqof Grech irrefera għall-qofol tal-ispiritwalità Karmelitana – dik li l-bniedem jikber fl-għarfien u l-intimità tiegħu ma’ Ġesù Kristu.
Semma kif Kristu u t-tagħlim tiegħu għandhom jispiraw lill-bnedmin biex jagħmlu għażliet li għalkemm ma jkunux skont ix-xejra tad-dinja, jagħmlu ħafna sens għax iwieġbu għall-ħtiġijiet veri tal-bnedmin.
Hawnhekk irrefera għal Marija li baqgħet wieqfa ħdejn il-Kurċifiss fejn ma telqitux waħdu. Bl-istess mod, spjega kif Marija qatt mhi se tabbanduna l-kurċifissi tal-lum.