Tweġġa’ gravi wara li waqgħet minn gallarija f’San Ġiljan

Żagħżugħa ndarbet gravi wara li waqgħet mill-għoli f’San Ġiljan.

Iż-żagħżugħa ta’ 23 sena residenti x-Xgħajra, ndarbet wara li waqgħet madwar sular u nofs għoli minn gallarija ta’ lukanda fi Triq id-Dragunara.

Fuq il-post issejjħu l-Pulizija u tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Hemmhekk, hi ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.