Tweġġa’ gravi wara li taħbat ma’ karozza u faċċata ta’ dar

Mara ta’ 77 sena weġġgħet gravi iżda mhux fil-periklu tal-mewt wara li ħabtet ma’ karozza oħra u mbagħad baqgħet dieħla ġo dar.

L-inċident ġara fi Triq Kent il-Fgura ftit minuti wara l-ħdax u nofs ta’ filgħodu.

Jidher li l-mara tilfet il-kontroll tal-karozza u ħabtet ma’ karozza u wara ma’ faċċata ta’ dar fl-istess triq.

Ittieħdet mill-ewwel Mater Dei u ġiet ċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ta’ natura gravi minħabba ksur.