Twaqqfu s-servizzi ta’ trasport bejn l-Italja u Sqallija

A general view of Pretoria fountain in Palermo
A general view of Pretoria fountain in Palermo, Italy September 14, 2018. REUTERS/Tony Gentile - RC19AA083700

Il-Ministru Taljan għat-Trasport, Paola De Micheli qed tipprepara biex tadotta serje ta’ miżuri biex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-coronavirus fi Sqallija, fuq talba tal-President tar-Reġjun Sqalli Nello Musumeci.

Dawn jinkludu s-sospensjoni ta’ konnessjonijiet bl-ajru nazzjonali u internazzjonali, ħlief għal żewġ titjiriet kuljum bejn Ruma u Palermo / Catania. Dan ifisser li twaqqfu s-servizzi kollha bil-karozzi bejn ir-reġjuni kif ukoll servizzi għal passiġġieri bil-baħar, jiġifieri jsir biss trasport ta’ merkanzija.

Dan tħabbar permezz ta’ stqarrija mill-Presidenza tar-Reġjun. Ser ikun possibbli li  passiġġieri jivvjaġġaw minn Villa San Giovanni u Reggio Calabria lejn Messina u lura, imma biss minħabba ħtieġa ta’ xogħol jew saħħa, wara li tintwera prova. Ser tinżamm ferrovija waħda biss kuljum lejn u minn Ruma. Il-gvernatur talab ukoll lill-Ministru għas-Saħħa, Roberto Speranza, biex jitwaqqfu l-kontrolli tas-saħħa meħtieġa mat-tluq tal-passiġġiera u wkoll sewwieqa ta’ vetturi ta’ trasport ta’ merkanzija.

Il-President tar-Reġjun Sqalli, Nello Musumeci kien ħeġġeġ “l-intervent tal-Armata” sabiex “tikkontrolla l-wasliet ta’ persuni mill-Italja ta’ Fuq” fi Sqallija.

Musumeci esprima tħassib dwar ir-ritorn ta’ aktar minn 31,000 persuna mit-Tramuntana tal-Italja f’dawn l-aħħar ġranet, u talab li l-Gvern “jistabbilixxi aktar kontrolli”.  “Aħna tassew imħassba dwar wieħed u tletin elf persuna li waslu fi Sqallija u rreġistraw f’dawn l-aħħar għaxart ijiem. Iżda kemm kien hemm eluf oħra li daħlu fil-gżira mingħajr ma ħassew l-obbligu u r-responsabiltà li jagħmlu dan?” saħaq Musumeci.