Twaqqfet Awtorità li ma tistax tbiddel li hemm bżonn – PD

Il-Partit Demokratiku (PD) qajjem it-tħassib tiegħu dwar l-entità Ambjent Malta li qal “twaqqfet mingħajr il-poteri biex timplimenta l-bidliet li hemm bżonn”.

Fi stqarrija, il-PD iċċara li huwa kuntent bil-ħatra tas-Sindku tal-Gżira, Conrad Borg Manché biex imexxi Ambjent Malta. Però, il-PD qal li l-aħħar kelma tibqa’ tal-Ministru. Fi kliem il-PD, “Malta għandha bżonn istituzzjonijiet li jaħdmu indipendentement fl-interess tar-Repubblika, mhux jiġu bblukkati skont il-konvenjenza tal-politiċi.”

Skont il-PD, Ambjent Malta għandha tkun tista’ tindirizza:

  • Riġenerazzjoni tal-Akwifikatur;
  • Immaniġġjar taż-żoni idrografiċi;
  • Riklamazzjoni u armonizzazzjoni ta’ art urbana;
  • Pjan strateġiku nazzjonali tal-akkwakultura;
  • Preservazzjoni tal-ħamrija.

Il-PD għamel ukoll numru ta’ mistoqsijiet:

  • X’inhi r-raġuni li Ambjent Malta ma ġietx imwaqqfa fil-bidu tas-sena kif kien ippjanat? Hemm xi mottiv ulterjuri għaliex ġie mwaqqaf issa, kważi lejliet baġit ieħor?
  • Iċ-Ċivil spiċċa bla saħħa? Huwa t-tort tad-Direttorat li hawn stat hekk miskin li l-ebda entità pubblika ma tiffunzjona mingħajr il-barka ta’ xi Ministru?

Il-Ġimgħa li għaddiet, il-Ministru għall-Ambjent José Herrera ħabbar t-twaqqif ta’ Ambjent Malta waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Qrendi.

Il-Partit Demokratiku qal li fost il-problemi ambjentali serji hemm l-iżvilupp fuq art barra ż-żons ta’ żvilupp, siġar jitqaċċtu biex jitwessgħu t-toroq u t-telf ta’ ħamrija. Il-PD fakkar li fl-aħħar mill-aħħar il-Ministru jibqa’ dik il-persuna li tiehu d-deċiżjoni finali.