Twaqqaf xogħol fuq 9% tas-siti ta’ kostruzzjoni spezzjonati

Uffiċċjali tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol waqqfu x-xogħol f’9% tas-siti ta’ kostruzzjoni li żaru fl-2015.
Dan joħroġ minn ċifri ppubblikati fil-Parlament mill-Ministru għall-Affarijiet tal-Konsumatur Helena Dalli fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Laburista Charles Mangion.
Dalli qalet li s-sena li għaddiet saru 1,259 spezzjoni fuq siti ta’ kostruzzjoni, 33% inqas minn kemm saru fl-2013. Dawn l-ispezzjonijiet wasslu biex twaqqaf ix-xogħol f’112 sit ta’ kostruzzjoni minħabba periklu serju u imminenti. F’okkażjonijiet oħra, inħarġu ordnijiet biex jittieħdu miżuri ta’ prevenzjoni u, jew ta’ protezzjoni mingħajr ma twaqqaf ix-xogħol.
Fi tweġiba separata għall-mistoqsija tal-istess interpellant, Dalli qalet li fl-2015, l-OHSA organiżżat 1,042 spezzjoni ta’ natura pro-attiva, ġeneralment parti minn kampanji ta’ informazzjoni jew ta’ spezzjoni, u li jkunu ppjanati mis-sena ta’ qabel. Dawn kienu jinkludu kampanji ta’ spezzjoni għal dawk li jiġbru l-iskart domestiku, fil-kostruzzjoni, lukandi, uffiċċji, barrieri, armar u waqgħat mill-għoli, krejnijiet, fork lift trucks, agrikoltura, settur tal-manifattura u hairdressers.
Skont ċifri mogħtija fil-Parlament, matul l-aħħar tliet snin, in-numru ta’ spezzjonijiet naqsu sena wara l-oħra. Fl-2015 saru 8% inqas spezzjonijiet minn sentejn qabel bl-ikbar tnaqqis ikun reġistrat fi spezzjonijiet dwar protezzjoni minn radjazzjoni li naqsu b’42%. Fl-istess perijodu kien hemm żieda marġinali ta’ 2% fl-ispezzjonijiet marbuta ma’ ċertifikati ta' magni, apparat u nġenji skrutiniżżati.