Twaqqaf ċentru ta’ kriżi għall-qraba tal-Maltin fit-Turkija

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta qed taqbel mal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-avvenimenti fit-Turkija u sostna li l-istituzzjonijiet demokratiċi għandhom jiġu rispettati.
Joseph Muscat jinsab f'Ulaanbaatar fil-Mongolja, fejn qed jieħu sehem f’summit bejn pajjiżi Ewropej u Ażjatiċi.
Il-mexxejja Ewropej ikkonsultaw lil xulxin qabel ma ħarġet il-pożizzjoni Ewropea, u saret ukoll laqgħa urġenti tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin li ghaliha attenda Dr George Vella, li qed jakkumpanja lill-Prim Ministru.
Ftit qabel, il-Gvern Malti appella li minħabba kif żviluppat is-sitwazzjoni politika fit-Turkija, mhux irrikmandat li persuni jivvjaġġjaw lejn dan il-pajjiż.
Intqal li persuni Maltin li jinsabu t-Turkija għandhom jibqgħu ġewwa u jimxu bi prudenza fil-preżenza ta’ forzi militari.
Għandhom ukoll javżaw lill-qraba tagħhom biex jinfurmawhom li jinsabu f’post sigur.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Malti waqqaf ċentru ta’ kriżi li jista’ jiġi kkuntattjat fuq Freephone 8007 2203 jew in-numru tat-telefon 21242191.
Intant fl-aħħar żviluppi mit-Turkija, il-President Erdogan mar lura lejn l-Istanbul fejn qal li għandu l-kontroll tal-pajjiż f’idejh.