Twajjeb u umli

Nhar il-Ġimgħa filgħaxija, 20 ta’ Awwissu, Dun Anton Teuma mix-xaqliba tan-Nazzarenu fix-Xagħra ġie midluk Isqof  ta’ Għawdex mill-Isqof  Mons. Mario Grech li kien akkumpanjat mill-Arċisqof  Metropolitan Mons. Charles J. Scicluna  u n-Nunzju Appostoliku għal Malta Mons. Alessandro d’Errico flimkien mal-Isqof Awżiljarju Joe Galea Curmi u l-Isqof ta’ Ġibiltà li kien fostna għal ftit jiem ta’ mistrieħ. 

Għadd sabiħ ta’ Għawdxin kienu fil-knisja Rotunda tax-Xewkija flimkien mal-President ta’ Malta u s-Sinjura, il-Prim Ministru, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, il-Ministru Anton Refalo, Dr Chris Said flimkien mal-qraba u l-ħbieb tal-Isqof maħtur.  Ħa sehem il-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ u orkestrina taħt id-direzzjoni tas-sinjorina Dorienne Portelli;  il-pjanista Mariella Cefai Spiteri.   Mill-kompożizzjoni ‘Misericordia’ (2016) ta’ Dun Joseph Curmi, ġew esegwiti l-Kyrie, il-Gloria u l-Agnus Dei.

Kienet funzjoni ferm sabiħa u interessanti li ħadet madwar tliet sigħat u għalkemm kienet is-sħana li tħossha iktar meta tkun imxekkel b’maskra ma’ ħalqek, ħadd ma tħarrek u kulħadd segwa b’attenzjoni din l-okkażjoni li ma narawhiex tiġri ta’ spiss quddiemna. 

Bla dubju ċ-ċentru tal-attenzjoni kien dan is-saċerdot twajjeb u umli Dun Anton Teuma ta’ 56 sena li għamel 10 snin Rettur tas-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù f’Għawdex u xi snin f’parroċċa f’Ruma qabel ma ssejjaħ Għawdex biex jieħu ħsieb it-tmexxija tal-Istitut tal-Familja Ġwanni Pawlu t-Tieni li kien inbena mill-Moviment ta’ Kana wara li l-Isqof Cauchi kien ta l-art għal dan il-proġett. 

Min jista’ jgħid kemm ħadem u stinka Ġużeppi Micallef, Mons. Ġużeppi Buttiġieġ, Eucar Mizzi, Ġorġ Xerri u membri oħra li taw ħinhom u l-enerġija tagħhom għal dan il-għan! Mhux darba u tnejn jien ippreżentajt is-serati Konkors Qalb tad-Deheb li l-Moviment kien jorganizza ta’ kull sena f’dik li llum hija s-sala ewlenija li fiha jsir il-quddies, l-Eżerċizzi tar-Randan u għadd ta’ laqgħat u konferenzi! 

Minn hawn, Dun Anton kien dawn l-aħħar snin qed jiżvolġi attività sħiħa b’risq il-familja sakemm is-Santa Sede talbitu u għażlitu bħala s-Suċċessur ta’ Mons. Mario Grech.

Ngħid għalija ħadt gost insegwi l-parti fejn l-Isqof Grech dilek ras Dun Anton biż-żejt u wara ppreżentalu l-Vanġelu biex ixandar il-Kelma t’Alla; iċ-ċurkett biex iħares l-għarusa ta’ Kristu li hija l-Knisja; il-Mitra biex fih jiddi d-dawl tal-qdusija; u fl-aħħarnett il-Baklu biex jirgħa l-erwieħ. 

F’kelmtejn li għamel f’din l-okkażjoni, l-Isqof Mario Grech li kien qed jerħi t-tmexxija tad-Djoċesi Għawdxija f’idejn ġodda, qal li jeħtieġ li jkollna Knisja Missjunarja li toħroġ fit-toroq u ma tibżax mill-isfidi taż-żmien;  mhux knisja tas-Sagristija imma knisja li titħallat man-nies u tisma’ l-bżonnijiet tagħhom.  Lejn tmiem din il-funzjoni għamel kelmtejn ukoll l-Isqof il-ġdid, li neħħa l-mitra u warrab fil-ġenb il-baklu u niżel fuq il-presbiterju biex ikun iktar qrib il-merħla tiegħu. 

Wieħed hawnhekk seta’ jammira l-umiltà u l-umaniżmu li bihom huwa mżejjen dan ir-ragħaj il-ġdid li ma waqafx irodd ħajr li dawk li ġew qablu, lil kull min għen biex setgħet issir dik l-okkażjoni fi ftit jiem meta d-dati kienu qed jinbidlu kontinwament minħabba din l-epidemija. 

Huwa talab l-għajnuna u l-koperazzjoni ta’ kulħadd u għamel riferenza għad-dgħajsa li semma l-Isqof Grech li hija l-Knisja ta’ Kristu u kif din tista’ tirbaħ fuq il-mewġ qalil ta’ żmenijietna  jekk kulħadd jiġbed ħabel wieħed u naraw li l-preżenza ta’ Kristu tkun dejjem magħna u kullimkien.

Kav Joe M Attard

Victoria Għawdex