Filmat: Tużax il-Gozo Channel jekk m’għandekx għalfejn – Camilleri

Read in English.

Wieħed m’għandux jivvjaġġa fuq il-Gozo Channel sakemm ma jkollux għalfejn appella l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. Dan minħabba l-coronavirus.

Camilleri qal dan f’diskors fil-Parlament li fih tkellem dwar kif Għawdex qed jipprepara ruħu biex jiġġieled il-marda tal-COVID-19. L-Ispeaker Anġlu Farrugia ċaħad it-talba tal-Oppożizzjoni li biex l-aġenda parlamentari tkun sospiża biex il-kamra tiddiskuti l-aħħar żviluppi dwar il-coronavirus.

Fi kliem Clint Camilleri, Għawdex huwa preparat. Żied jgħid li kull test minn Għawdex għall-virus irriżulta fin-negattiv.

Camilleri qal li mil-lejla l-vapuri tal-Gozo Channel se jibdew jiġu diżinfettati “b’hospital grade disinfectant”. Spjega li dan il-proċess jaf jaffettwa xi vjaġġi, partikolarment dawk bejn il-11.30pm u n-00.30am. Dan se jibqa’ jsir kull lejl sakemm joħroġ avviż ieħor.

Il-Ministru għal Għawdex qal li hemm pjanijiet fis-seħħ biex jekk pazjent li jkun Għawdex ikollu l-virus dan ikun jista’ jittieħed lejn Malta “b’mod sigur”.

Skont Camilleri l-Kumpanija Gozo Channel lesta tibgħat vapur minn Għawdex lejn Malta għall-pazjent u l-ambulanza biss. Dan biex ma jkunx hemm riskju għal ħaddieħor u biex il-pubbliku ma jallarmax ruħu.

Camilleri ukoll li jridu jibdew jaħsbu għall-kura tal-pazjenti tal-COVID-19 f’Għawdex stess. Qal li l-Gvern qed jaħdem biex iżid is-sodod fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan l-isptar jitħaddem minn Steward Healthcare.

Il-kumpanija Gozo Channel ħabbret li installat sanitiser dispensers u li se tkun qed tħalli l-bibien tal-vapuri miftuħin bħala prekawzjonijiet minħabba l-coronavirus.

Fi stqarrija, il-Gozo Channel qalet li d-dispensers ġew installati fit-terminals u fil-vapuri kollha tagħha. Dawn huma magħmra b’diżinfettant alkoħoliku. Il-bibien kollha tal-vapuri u tat-terminals li jagħtu għal barra se jibqgħu miftuħin biex tiċċirkola l-arja. Is-sistemi tal-arja kondizzjonata se jintfew.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn