Tużax din il-mgħarfa tal-għaġin

Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ħarġet avviż biex ma tintużax mgħarfa tal-għaġin, magħmula minn plastik iswed u manku tal-metall.

In-numru tal-barcode huwa EAN 4326470445063, u ġiet magħmula fiċ-Ċina, u impurtata mill-Ġermanja. Id-ditta hija JEAN Products.

 

L-imsemmi prodott m’għandux jiġi użat minħabba li wara analiżi li saret, instab li fih livelli ta’ Primary Aromatic Amines (PAAs) iktar minn dawk stabbiliti fir-regolamenti. Primary Aromatic Amines (PAAs) huma grupp ta’ sustanzi kimiċi li jiffurmaw f’ċertu industriji ta’ manifattura bħall-linka li tintuża għall-istampar fuq kartun u plastic, fost l-oħrajn. Jistgħu jiffurmaw ukoll meta jinħadem ċertu tip ta’ plastik li jkun flessibli.

Xi PAAs jistgħu jagħmlu ħsara lis-saħħa għaldaqstant ma jistgħux jintstabu f’livelli iktar minn dak permess fil-liġi, speċjalment fi prodotti li jistgħu jiġu f’kuntatt mal-ikel.

Għal aktar informazzjoni, l-pubbliku jista’ jċempel lis-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa fuq 2133 7333 mit-8:00am sas-2:30pm, jew jibgħat email fuq mhi@gov.mt. Il-pubbliku huwa jista’ jżur ukoll il-paġna tad-Direttorat fuq Facebook jew is-sit uffiċjali għal informazzjoni simili.