Tużawx lit-tfal bħala ostaġġi – il-Papa

Fl-udjenza ġenerali tiegħu tal-lum, il-Papa Franġisku reġa’ għamel appell imqanqal lill-ġenituri separati jew divorzjati biex ma jużawx lil uliedhom bħala ostaġġ u biex iqisu l-ħtiġijiet taċ-ċkejknin qabel tagħhom infushom.
Il-Papa rrifletta fuq dawk li sejjaħ “familji li jgħixu f’sitwazzjonijiet irregolari” anke jekk ammetta li ma togħġbux din id-definizzjoni.
Fl-appuntament ta’ katekeżi ta’ kull ġimgħa fi Pjazza San Pietru, il-Papa Franġisku semma’ kif atteġġjament, kelma jew azzjoni minn persuna waħda fi ħdan familja jistgħu jtellfu l-imħabba minflok jesprimuha, u dan fl-iktar kuntest importanti għall-bniedem – il-familja.
Appella biex il-feriti żgħar ma jiġux ittraskurati, għax meta jiżdiedu u jibnu fuq xulxin jistgħu jwasslu għal bruda u firda fost il-koppja.
Fuq kollox, saħaq biex l-adulti ma jippruvawx jagħmlu lit-tfal kuntenti b’rigali materjali jew ħelu imma biex jagħtu każ, dik li sejjaħ, “ferita tar-ruħ”.
Iddeskriviha bħala l-weġgħa tal-ulied u s-sens ta’ disperazzjoni li jħossu meta l-adulti jitilfu r-raġuni, meta jaħsbu għalihom infushom, meta jweġġgħu lil xulxin. Saħaq li din il-ferita timmarkahom għal dejjem u hu għalhekk li ħeġġeġ lill-ġenituri biex jiftakru fl-impenn tagħhom li wiegħdu lil xulxin meta ffurmaw il-familja minflok sodisfazzjon personali.