“Tużawx il-festi bħala skuża biex tabbużaw mill-kokaina” – OASI

Il-Fondazzjoni OASI qed tappella lill-pubbliku biex ma jaqax fin-nassa li juża l-festi bħala skuża biex jabbuża mill-kokaina.

Fi stqarrija, il-Fondazzjoni qalet li f’dan iż-żmien ta’ festi, ikun hemm qabża kbira fl-għadd ta’ persuni li jabbużaw mill-kokaina. Il-Fondazzjoni nnutat illi 40% ta’ dawk li ħadu t-trattament għall-ewwel darba fl-2019 ħaduh minħabba problemi ta’ kokaina. Skont l-istatistika ta’ OASI, 44% li jitolbu l-għajnuna tagħhom ikunu vittmi tal-kokaina, mentri 25% ifittxu l-għajnuna minħabba abbuż mill-alkoħol, 16% minħabba abbuż mill-eroina u 9% għal abbuż mill-kannabis.

L-istqarrija tkompli tgħid li s-soċjetà Maltija temmen li l-użu tal-kokaina ma jagħmilx daqshekk ħsara, peress li l-kokaina titqies droga ta’ rikreazzjoni. Għaldaqstant, l-NGO ħeġġet lill-pubbliku biex ma jqarraqx ruħu bid-dehra divertenti tal-kokaina, u biex igawdi dan iż-żmien mal-maħbubin tiegħu mingħajr l-użu tad-droga.