#tużahx: Qatt għalaqt għajnejk waqt li tkun qed issuq?

F’tebqa t’għajn taf toħloq inċident traġiku mingħajr ma tkun qed tistenna.
Qatt xi darba għalaqt għajnejk għal ftit sekondi u ħassejt is-sensazzjoni ta’ nuqqas ta’ kontroll fuqek innifsek?
Dr Jonathan Joslin, konsulent fit-Taqsima tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei spjega kif meta tuża l-mowbajl waqt is-sewqan, tkun qisek għalaqt għajnejk għal ħames skondi u bqajt issuq.
Dr Joslin kien mistieden fil-programm Insellimlek fuq RTK, bħala parti mill-kampanja #tużahx.
Huwa spjega li l-użu tal-mowbajl fis-sewqan itelliflek il-konċentrazzjoni u ma jkollokx kontroll fuqek innifsek biex tirreaġixxi malajr f’każ ta’ bżonn.
Jelabora kif dan mhux biss minħabba li għajnejk ma jkunux jgħarrxu fit-triq, iżda għax anke jdejk tkun okkupata żżomm il-mowbajl.
Dr Joslin spjega li ma jeżistux figuri preċiżi ta’ kemm nies jidħlu l-isptar wara li jkunu korrew għax użaw il-mowbajl, għax ħadd mhu se jammetti magħhom li kien qed juża l-mowbajl. Madanakollu nsista kif għadd konsiderevoli tal-korrimenti jkunu kawża ta’ din ir-raġuni.
Il-konsulent fit-Taqsima tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei temm jappella biex kull sewwieq ikun responsabbli għal għemilu.