Tużahx għax jista’ jisomtok!

Id-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq, tad-Diviżjoni tar-Regolamenti Tekniċi fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) qed javża lill-pubbliku sabiex ma jużax juicer lokali bla ditta għax mhux sikuri u jistgħu jisomtu lil dak li jkun.

Fi stqarrija d-Direttorat spjega li minbarra li m’għandux ditta u ma jinkludi l-ebda struzzjonijiet għall-użu, passi li diġà jiksru l-Att dwar is-Sigurtà tal-Prodotti, instab li meta jitferra fih il-misħun, il-flixkun jibdel il-forma tiegħu bil-possibiltà li tista’ tinstamat il-persuna li tkun qed tużah.

Talbet lill-konsumaturi sabiex jekk xtraw dan il-prodott ma jużawhx u jirritornawh lura minn fejn xtrawh. Ħarġet twissija wkoll għall-operaturi ekonomiċi sabiex il-prodott jitneħħa immedjatament mis-suq. Ġie spjegat li se tittieħed azzjoni kontra min jagħżel li jkompli joffri dan il-prodott għall-bejgħ.

Id-Direttorat tas-Sorveljanza tas-Suq jista’ jiġi kkuntattjat fuq 2395 2000; b’imejl fuq msd.mccaa@mccaa.org.mt; jew fuq il-paġna tal-Facebook tal-MCCAA.