Turnbull inaqqas fil-popolarità

Il-popolarità fost il-poplu Awstraljan tal-Prim Ministru Awstraljan Malcolm Turnbull naqset f’livell baxx fi żmien erba’ xhur skont sondaġġ popolari fl-Awstralja u dan żied il-pressjoni fuq Turnbull peress li l-gvern li qed imexxi jinsab maqsum.

Sondaġġ għall-gazzetta The Australian juri li l-vantaġġ ta’ Turnbull fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Bill Shorten naqas b’erba’ punti perċentwali fl-aħħar ġimgħatejn, riżultat li se jnaqqas is-saħħa tiegħu f’laqgħa kruċjali tal-gvern taċ-ċentru-lemin nhar it-Tlieta li ġej.

Il-popolarità personali ta’ Turnbull sa issa salvagwardjat it-tmexxija tiegħu f’pajjiż fejn it-tkeċċija mit-tmexxija tal-partit fil-Gvern saret komuni fl-aħħar snin meta s-sondaġġi juru li l-Gvern ikun riesaq lejn telfa elettorali.

Turnbull għandu bosta sfidi fosthom kwistjonijiet dwar enerġija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent kif ukoll dwar jekk għandux inaqqas it-taxxi lill-kumpaniji, xi ħaġa li l-poplu Awstraljan ma jaqbilx magħha.