Turkija: referendum biex terġa’ tiddaħħal il-piena tal-mewt?

Hekk kif l-istampa issa ċċarat dwar min rebaħ ir-referendum ta’ lbieraħ fit-Turkija, fl-ewwel diskors tiegħu wara r-rebħa, il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan ħabbar li aktarx isir referendum ieħor biex tiddaħħal lura l-piena tal-mewt.
Huwa ma qalx meta jista’ jsir, u lanqas ikkonferma li se jsir żgur.
Sadanittant, il-Partit Repubblikan u tal-Poplu (CHP) tal-kampanja LE, talab li jerġgħu jingħaddu 60% tal-voti mitfugħa. Il-partit ikkritika bl-aħrax id-deċiżjoni li anki voti mhux ittimbrati mill-awtoritajiet setgħu jintefgħu fil-kaxex xorta waħda u jkunu validi.
Ilbieraħ, fit-Turkija rebaħ il-vot tal-'iva' sabiex il-kostituzzjoni Torka tiġi emendata u tagħti aktar poteri eżekuttivi lil Erdogan.
Hekk kif ġew magħduda 99% tal-voti, ir-riżultat juri 51.3% favur l-'iva' u 48.7% ivvutaw 'le'. Jiġifieri d-distakk huwa ta’ inqas minn 3%.  Madankollu, 3% fit-Turkija jfissru miljun u tliet mitt elf vot.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet ukoll tagħha dwar ir-riżultat, billi rreaġixxiet kemm jista’ jkun b’mod diplomatiku. Talbet lit-Turkija sabiex jinstab il-kompromess u jintlaħaq ftehim li jogħġob lil kulħadd.
Fil-kummenti tiegħu, il-Prim Ministru Binali Yildirim qal li jinsab kuntent għal kull min ħareġ jivvota għax b’hekk rebħet id-demokrazija.
Għaldaqstant bir-riżultat favur l-'iva' se jiġu emendati 18-il liġi fil-kostituzzjoni u l-President Erdogan għandu sal-2029 fil-poter.
3 persuni jinqatlu b'tiri quddiem post tal-votazzjoni
Intant tliet persuni nqatlu b'tiri waqt ġlieda quddiem post tal-votazzjoni fit-Turkija. 
Aħbarijiet Torok irrapportaw li l-argument kien bejn żewġ familji. Għadu mhux magħruf x'kienet ir-raġuni tal-ġlieda imma qed jiġi rrapurtat li l-ġlieda qamet minħabba nuqqas ta' qbil dwar l-għażla fir-referendum.
Kawża tal-ġlieda persuna spiċċat l-isptar u żewġ persuni ġew arrestati.