Turkija: Il-partit tal-President Recep Tayyip Erdogan jerbaħ l-elezzjoni ġenerali

Il-partit tal-President Recep Tayyip Erdogan, rebaħ l-elezzjoni ġenerali fit-Turkija wara li kien tilef il-maġġoranza f’Ġunju.
Hekk kif l-għadd tal-voti kważi lest, l-aġenzija tal-aħbarijiet tal-istat irraporta li l-Partit tal-Ġustizzja u l-Iżvilupp (AKP), rebaħ b’49.4% tal-voti. Il-partit ewlieni fl-Oppożizzjoni għandu biss 25.4% tal-voti.
Bir-riżultat tal-lum, l-AKP mistenni jkollu 276 siġġu fil-Parlament, biex ikun jista’ jifforma Gvern waħdu.
Minkejja dan, skont rapporti, mhux mistenni jkollu biżżejjed siġġijiet biex isejjaħ referendum biex tinbidel il-kostituzzjoni biex il-President Recep Tayyip Erdogan, fundatur tal-istess partit, ikollu aktar poter.
Infatti l-Oppożizzjoni qalet li dan il-vot huwa ċans biex tinbidel dik li ssejħilha bħala tendenza awtoritarja li dejjem qed tiżdied mill-President Erdogan.
Il-Prim Ministru Ahmet Davutoglu wkoll iddikjara r-rebħa u ddeskriviha bħala “rebħa kbira għad-demokrazija u l-poplu.”
F’Ġunju li għadda, l-AKP kien tilef il-maġġoranza wara 13-il sena fit-tmexxija.