Turkija: Erdogan bl-iktar voti imma mhux biżżejjed għall-gvern

Fit-Turkija, il-partit Iżlamiku AKP, tal-President Recep Tayyip Erdogan, ma rnexxilux jerġa’ jikseb il-maġġoranza assoluta tal-voti u meta l-għadd tal-voti kważi spiċċa, rebaħ 258 siġġu mill-550 tal-Parlament.
Dan ifisser li l-partit li mexxa t-Turkija fl-aħħar 13-il sena, sab ruħu għall-ewwel darba li jrid jifforma Gvern ta’ koalizzjoni jekk irid imexxi hekk kif kiseb kważi 41% tal-voti kollha.
Fl-aħħar elezzjoni, kien kiseb 50%.
It-tliet partiti l-oħra flimkien issa għandhom kważi 300 siġġu imma żewġ partiti minnhom huma opposti fil-politika tagħhom.
Għall-ewwel darba, il-Partit Demokratiku tal-Poplu (HDP), iffurmat fl-2012 biex jiġbor lill-Kurdi, se jkollu rappreżentazzjoni fil-Parlament, bi 13% tal-voti, imma s’issa qed jeskludi koalizzjoni ma’ Erdogan.
Fit-tieni post reġa’ hemm il-Partit Repubblikan b’25% tal-voti u l-Moviment Partit Nazzjonalista b’16.5%.
Analisti politiċi qed iqisu dan ir-riżultat bħala daqqa ta’ ħarta għal Erdogan, li ried isaħħaħ il-poteri tiegħu u li t-tir tiegħu kien li jikseb maġġoranza ta’ żewġ terzi biex jibdel il-pajjiż għal Repubblika Presidenzjali.
Issa tibda fażi delikata fit-Turkija hekk kif l-AKP irid isib partit ma’ min jifforma koalizzjoni. It-tliet partiti l-oħra, qabel l-elezzjoni, kollha ddikkjaraw li ma jridux jaħdmu mal-AKP.