“Turiżmu li jwassal għal djalogu u paċi” – il-President

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li s-settur tat-turiżmu għandu s-saħħa li jwassal għal bidliet soċjali u ekonomiċi għax joħloq opportunitajiet ta’ djalogu, paċi u ġid.
Waqt konferenza li għaliha attenda wkoll is-Segretarju Ġenerali responsabbli mit-turiżmu fi ħdan in-Nazzjonijiet Maqgħuda, il-President ta’ Malta qalet li t-turiżmu huwa mezz tajjeb biex iwassal għad-diplomazija.
Spjegat kif it-turiżmu jfakkar fis-sisien tal-umanità permezz tal-valuri, l-għaqda u rispett.
Tkellmet dwar l-ekosistema fejn saħqet li l-fattur ambjentali huwa kritiku għas-sostenibbiltà tal-istess turiżmu.
Il-President sostniet li Malta trid tmexxi bl-eżempju billi tħeġġeġ id-djalogu, tiċċelebra d-diversità, u tinvesti fl-ambjent. Appellat biex l-umanità tibqa’ dejjem fil-qofol tas-settur turistiku.