Turisti maqbuda f’lukanda f’Sardinja wara li ħaddiem instab pożittiv

Ritratt - Gianni Careddu - Wikimedia

Mijiet ta’ turisti bħalissa jinsabu maqbuda fil-lukanda lussuża Santo Stefano fl-arċipelagu La Maddalena f’Sardinja wara li wieħed mill-ħaddiema fl-istess lukanda nstab pożittiv għall-coronavirus.

It-taqsima għall-kriżijiet reġjonali diġà wettqet madwar 470 swab test fost ħaddiema u turisti li hemm fil-lukanda.

Mario Nieddu, responsabbli għas-saħħa f’Sardinja qal lil ANSA: “Qed nistennew ir-riżultati tat-testijiet. Fil-frattemp, tlabna biex ħadd ma joħroġ mill-lukanda.”

Madanakollu, il-Pulizija waqqfet żewġ turisti li kienu jinsabu fi triqthom lejn l-ajruport ta’ Olbia.

L-Italja rreġistrat 320 każ ġdid ta’ coronavirus matul dawn l-aħħar 24 siegħa, 159 inqas minn dawk reġistrati l-Ħadd, li kienu jlaħħqu l-479, qal il-Ministeru tas-Saħħa Taljan nhar it-Tnejn li għaddew.

Għaldaqstant, ittieħdu 6,000 swab test inqas f’dawn l-aħħar 24 siegħa jiġifieri 30,666.

L-għadd ta’ mwiet baqa’ dak ta’ erbgħa.

L-għadd totali ta’ każijiet minn mindu faqqgħet il-pandemija issa huwa ta’ 254,235 u b’kollox, mietu 35,400.



L-Italja kienet it-tieni l-aktar pajjiż fl-Ewropa li ntlaqat ħażin wara r-Renju Unit iżda huwa meqjus bħala wieħed mill-pajjiżi li l-iżjed li rnexxielu jimmaniġġja l-emerġenza sew wara l-kriżi tal-bidu.

L-Italja wriet l-enerġija “morali u ċivika” tagħha matul il-pandemija tal-coronavirus, qal il-President Sergio Mattarella nhar it-Tnejn.