Turist jinqabad jisraq replika ta’ pistola

Turist ta’ 38 sena ingħata sentenza sospiża fil-ġurnata li suppost kellu jħalli Malta, wara li nstab ħati li seraq replika ta’ pistola li kienet tiswa €43 minn ġo ħanut tas-souvenirs.

Ir-raġel kien qed joqgħod f’hostel f’San Ġiljan. Huwa ġie arrestat wara li wieħed mill-pistoli sparixxa mill-ħanut nhar it-Tlieta wara nofsinhar. Il-Pulizija sabitlu fil-basket li kien qed iġorr il-pistola flimkien ma xi oġġetti oħra li ma kellux irċevuta biex juri li kien xtrahom.

Assistit minn interpretu, l-akkużat ikkonferma li kien ħati u ddikkjara li kellu jitlaq Malta llum filgħaxija. Il-maġistrat ikkundannat lill-akkużat xahrejn ħabs sospiżi għal sena.