Tuneżini lliberati wara li salvaw immigranti mill-għarqa

Sitt sajjieda Tuneżini ġew rilaxxati mill-imħallfin Palermitani wara ġew arrestati mill-pulizija Taljana fuq suspett ta’ traffikar ta’persuni.

Is-sajjieda inqabdu mill-awtoritajiet Taljani wara li salvaw mill-għarqa 14 –il migrant li kienu abbord dgħajsa żgħira u kienu fid-diffikulta’  24 –il mil barra minn Lampedusa.

Skont l-avukati tas-sajjieda, it-Tuneżini qalu li l-immigranti ġew salvat meta sabu ruħhom f’diffikulta’ u ddeċidew li jirmunkaw id-dgħajsa waqt li għamlu kuntatt mal-awtoritajiet Taljani biex jintervjenu.

It-Tuneżini kienu ilhom miżmuma mit-30 t’Awwissu. Sa mill-arrest tagħhom, diversi għaqdiet umanitarji pprotestaw quddiem il-qorti ta’ Palermo fejn sostnew li s-sajjieda jsalvaw mijiet ta’migranti minn ħalq il-mewt.

Il-presekuzzjoni Taljani kienet issostni li s-sajjieda ma kellhomx l-ebda evidenza tal-SOS li nbagħtet lill-awtoritajiet Taljani la mid-dgħajsa tas-sajd u lanqas minn dik tal-immigranti.