“Tul il-quddiesa żommu s-silenzju” – Franġisku lis-saċerdoti

Il-Papa Franġisku din il-ġimgħa kompla bl-ispjega tiegħu ta’ partijiet mill-quddiesa waqt l-udjenza ta’ nhar t’Erbgħa, fejn irrakkomanda li s-saċerdoti josservaw mument qasir ta’ silenzju qabel il-bidu tal-quddiesa għax dan iservi bħala opportunità lill-Insara biex jafdaw f’idejn Alla l-futur tal-Knisja u tad-dinja.
Hu appella lis-saċerdoti biex josservaw ftit sekondi ta’ silenzju “Dan nirrakkomandah lis-saċerdoti. Mingħajr dan il-ftit silenzju nirriskjaw li ma nħallux lir-ruħ tirrifletti. M'hemmx għaġġla.”
Il-Papa mbagħad għadda biex jitkellem dwar il-Glorja u t-Talba tal-bidu.
“Wara l-laqgħa bejn il-miżerja tal-bniedem u l-ħniena divina li nesperjenzaw waqt l-att penitenzjali, l-Insara huma mistiedna jirreċtaw l-innu antik ta’ tifħir li kantaw l-anġli wara li twieled il-Bambin”.
“Is-sentiment ta’ tifħir li hemm f’dan l-innu hu minsuġ mat-talb għall-ħniena divina li hi kkaraterizzata fil-liturġija kollha. Wara din it-talba s-saċerdot jistieden lill-ġemgħa biex titlob u żżomm mument ta’ silenzju biex l-Insara jkunu konxji  mill-fatt li jinsabu fil-preżenza t’Alla u jifformulaw it-talbiet tagħhom” żied jispjega l-Papa.
Dan il-ftit silenzju mhux sempliċement nuqqas ta’ kliem imma ħin biex nisimgħu “vuċijiet oħra, fosthom dik tal-qalb u fuq kollox, il-vuċi tal-Ispirtu s-Santu”.
“Forsi nkunu ġejjin minn xi ġurnata xogħol, jew ferħ, jew dwejjaq, u rridu ngħidu 'l Alla u nitolbuh biex ikun ħdejna; ikollna membri tal-familja jew ħbieb li huma morda jew għaddejjin minn mumenti diffiċli u rridu nitolbu għalihom”.
Il-ġest tal-qassis – b’idu miftuħa jitlob – hu sinjal importanti wkoll għax jissimbolizza lil Kristu b’idu miftuħa fuq is-salib, qal Papa Franġisku. Fil-Kurċifiss nagħrfu lis-saċerdot li joffri talb li jogħġob lil Alla u l-ubbidjenza tal-ulied.
Il-Papa qal li meta naħsbu fuq it-talb u l-ġesti, li għandhom ‘sinjifikat kbir’, l-Insara jistgħu jagħmlu meditazzjoni sabiħa li minnha tgawdi l-ħajja spiritwali tagħhom.
“Jekk  nimmeditaw fuq il-kliem, anke mhux waqt il-quddiesa, jgħinna nitgħallmu kif għandna nduru lejn Alla, x’nitolbuh, xi kliem nużaw. Ejjaw naraw li l-liturġija ssir għalina lkoll skola tat-talb”, temm jispjega Papa Franġisku.