Tsunami ta’ akkużi u allegazzjonijiet

Aktar minn ġimgħa wara li faqqgħu l-allegazzjonijiet li t-tielet kumpanija sigrieta fil-Panama, Egrant, hija ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru, u li ċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri xxaħħam mill-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment, il-gazzetti tal-Ħadd huma miżgħuda b’artikli, żviluppi ġodda u allegazzjonijiet.
The Sunday Times of Malta tirrapporta li l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u anke l-Avukat Ġenerali Peter Grech kienu ilhom sena jafu li Keith Schembri rċieva commissions mill-bejgħ taċ-ċittadinanza. Il-gazzetta tgħid li din l-informazzjoni kienet ikkonfermata minn uffiċjali tad-Depot tal-Pulizija u anke mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Dawn qalu li kemm il-Kummissarju u anke l-Avukat Ġenerali kienu infurmati b’suspett ta’ ħasil ta’ flus kif jixhdu tranżazzjonijiet bankarji.
Il-gazzetta The Malta Independent on Sunday ippubblikat intervista mal-whistleblower fil-każ Egrant li kienet ukoll impjegata mal-Bank Pilatus. Tirrakkonta irregolaritajiet li allegatament rat iseħħu fil-Bank.  Tgħid li waqt investigazzjoni mill-FIAU, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank talabha ġġib xi dokumenti mis-safe li fi kliemha kien tmexxa għall-kċina “għax fil-kċina ma hemmx kameras tas-sigurtà.” Fid-dawl ta’ dak li kien għaddej, il-Whistleblower qalet li ddeċidiet li tħares lejn dokumenti oħra.
Ma kontx naf x’qed infittex, forsi ismijiet familjari. Imbagħad rajt żewġ declarations of trust bl-isem ‘Muscat’... indunajt li kien il-kunjom tal-Prim Ministru. Il-kumpanija kienet Egrant Inc u kont naf bl-isem tal-kumpanija għax kien fil-lista li kelli,” qalet il-whistleblower li mbagħad skenjat id-dokumenti biex ikollha xi ħaġa f’idha għax qalet li kienet qed tissuspetta li jagħmlulha frame-up.
Min-naħa tagħha, il-gazzetta It-Torċa tisħaq li l-whistleblower hija Russa b’aktar minn żewġ akkużi ta’ fabrikazzjoni mdendla fuq rasha, bl-aritklu jisħaq li minħabba f’hekk qed jitqajmu dubji fuq l-integrità tagħha.
Il-gazzetta Kulħadd ma tagħtix importanza lil każ tal-whistleblower ħlief artiklu li fih tallega li l-Kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi għamel telefonati bil-għan li tieqaf ħierġa l-informazzjoni fuq il-whistleblower. Minflok, Kulħadd tagħti prijorità lill-allegat każ ta’ frodi fil-Partit Nazzjonalista. Il-gazzetta tallega li skema mħaddma mill-Partit Nazzjonalista tuża flus li jingħataw lill-Membri Parlamentari Ewropej biex ikunu ffinanzjati ħtiġijiet tal-Partit Nazzjonalista.
Il-gazzetta Il-Mument tirrapporta l-konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li matulha saħaq li l-attakk fuq il-whistleblower hu  “l-akbar prova ta’ kriminalità f’Kastilja.
Minkejja li l-editur ta’ Malta Today, Saviour Balzan, tefa’ dubji serji fuq il-kredibilità tal-whistleblower, il-gazzetta ma tagħtihiex prominenza fil-faċċata tagħha u tmiss ftit ma’ dan il-każ fit-tieni paġna.
Intant ir-riżenja ta’ Godfrey Farrugia minn Whip tal-Gvern sabet ruħha fuq il-faċċati ta’ tliet gazzetti, u ngħatat prominenza fil-gazzetti kollha minbarra fil-Kulħadd u It-Torċa.
F’ittra miftuħa lill-Prim Ministru, l-eks Ministru tas-Saħħa saħaq li l-Gvern “tilef il-fibra morali.” Kemm-il darba “kont mitlub nivvota kontra l-kuxjenza tiegħi.” Fakkar li minkejja oppożizzjoni mill-Partit Laburista, dejjem kien il-vuċi favur il-ħajja mill-konċepiment sal-mewt u baqa’ sur fid-difiża tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Staqsa kif “tista' titkellem fuq id-drittijiet ċivili meta lest li ċċaħħad persuna mid-dritt ewlieni tal-ħajja billi ma tipproteġihx meta l-aktar vunerabbli?”