Tsipras jirriżenja jekk ma jkollux mandat qawwi kontra l-awsterità

Il-Prim Ministru Grieg, Alexis Tsipras, ta x'jifhem li se jirriżenja jekk ir-referendum ta’ tmiem il-ġimgħa ma jagħtihx mandat qawwi kontra l-awsterità.
Skont hu, vot qawwi għal-Le għandu jgħin lill-Greċja tinnegozja ftehim aħjar għall-kriżi.
Madankollu, il-ħlas ta’ €1.6 biljun li l-Greċja għandha tagħti lill-Fond Monetarju Internazzjonali, jiskadi f’nofsillejl li ġej.
Rapporti internazzjonali qed jgħidu li saret l-aħħar offerta mill-kredituri, li l-Greċja reġgħet irrifjutat, hekk kif il-pajjiż qed jirriskja li jekk jivvota kontra l-proposti tal-kredituri kif irid Tsipras, ikollu joħroġ miż-żona ewro.
Quddiem il-Parlament f’Ateni, inġabru għexieren ta’ eluf biex juru solidarjetà mal-pożizzjoni ta’ Tsipras għalkemm protesta oħra mistennija ssir illejla minn dawk li qed jopponu l-mod kif il-Gvern Grieg qed imexxi s-sitwazzjoni.