TS Table Tennis Academy lura Malta b’iżjed enerġija

Topspin Table Tennis Academy għadha kif irritornat f’Malta wara ġimgħa intensiva f’wieħed mill-akbar kampijiet ta’ taħriġ li qatt ġew organizzati barra minn xtutna.

Dan hekk kif l-Akkademja, bil-parteċipazzjoni ta’ 18-il student b’etajiet li jvarjaw minn taħt it-tlettax u jibqgħu telgħin sa 28 sena, telgħet Sabadell ġewwa Spanja fejn hemmhekk rebħet iż-żewġ kategoriji li ħadet sehem fihom waqt tournament li ttella’ f’għeluq il-kamp ta’ taħriġ.

Waqt dan l-istess taħriġ, li ġie organizzat mill-Kowċ Edward Baldacchino u mmexxi minn wieħed mill-aqwa kowċis ta’ Spanja, Joan Nogueras Gracia, tnieda l-flokk uffiċjali tal-Akkademja bl-għajnuna ta’ Citadel PLC.

Matul il-ġimgħa li l-Akkademja damet Sabadell, l-istudenti kellhom l-opportunità li jżuru wkoll Camp Nou, il-grawnd tat-tim ta’ Barċellona.

L-Akkademja tixtieq tfakkar li bħalissa għaddejja bi tliet xhur ta’ skola sajf, liema attività saret appuntament annwali. Dis-sena, l-iskola sajf għandha s-sehem ta’ erba’ kowċis, wieħed minnhom inġieb mill-Ukrajna u l-ieħor mill-Portugall proprju għal matul dan iż-żmien. Saħansitra, il-kowċ Portugiż kien anki kowċ fl-Olimpjadi tal-2012 li ttellgħu ġewwa Londra.

Bħalissa, Topspsin Table Tennis Academy qed tipprepara għall-kalendarju l-ġdid tal-Malta Table Tennis Association hekk kif f’Settembru li ġej jerġa’ jiftaħ l-istaġun tal-logħob.

Għal iktar tagħrif dwar l-Akkademja u l-attivitajiet marbutin magħha, wieħed jista’ jċempel lill-Kowċ Edward Baldacchino fuq 99470278 jew inkella jżur is-sit, il-paġna tal-Facebook jew Instagram.

Miktub minn:

Lara Michelle Camilleri u Matthew Micallef