Nieqes mis-smigħ u jadotta kelb trux

Nick Abbot, raġel ta’ 31 sena minn Maine fl-Istati Uniti, twieled ma jismax. Iddeċieda li jadotta lill-kelb Emerson li wkoll hu trux. It-tnejn li huma ngwalawha sew u issa qed jgħixu kuntenti flimkien.

Abbot ġabar lill-kelb minn santwarju tal-klieb meta dan kellu xahar u nofs. Ir-raġel qal li l-kelb instab jiġri barra fit-triq u maż-żmien beda jbati minn attakki ta’ puplesija. Meta membri mis-santwarju tal-klieb ġabruh sabu li l-kelb kien qed ibati minn marda ġejja mill-imsaren. Imbagħad instab li ma kienx jisma’.

Meta Abbot ħa l-kelb id-dar beda jgħallmu l-lingwa tas-sinjali wżata minn dawk li jbatu mis-smigħ. L-ewwel beda b’sinjali sempliċi, bħal ‘bilqiegħda’, ‘ejja hawn’ u ‘imtedd’. Emerson jinbaħ meta r-raġel imiss widnejh biex juri li jaf x’ikun irid jagħmel għal sidu. Omm Abbot tgħid li t-tnejn li huma kienu mwielda għal xulxin.

Issa Abbot fetaħ kont fuq Instagram fejn fih jirrakkonta dak li jgħaddu minnhom huma t-tnejn kif ukoll xi jkun tgħallem ġdid il-kelb bħala ‘żewġ torox u l-avventuri tagħhom.’

Storja li t-tnejn li huma kellhom bidu iebes fil-ħajja iżda li spiċċat bi tmiem tal-ħolm.