Read in English.
Biki, twerżiq u lfieq ta’ immigranti tfal u għassiesa jiżżufjettaw bihom f’ċentru ta’ detenzjoni fl-Istati Uniti, ġie żvelat f’awdjo ta’ seba’ minuti minn ProPublica, aġenzija tal-aħbarijiet fi New York.
L-awdjo ta’ qsim il-qalb jistona mal-politika ta’ “tolleranza żero” dwar l-immigrazzjoni, infurzata mill-amministrazzjoni tal-President Amerikan Donald Trump f’April li għadda.
Fl-awdjo, li ssemma’ mill-ġurnalisti f’konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu fil-White House, 10 itfal jinstemgħu jibku u jgħajtu lill-ġenituri tagħhom, wara ftit sigħat li ġew mifruda minnhom. Jinstema’ wkoll raġel, li ġie rrappurtat li hu wieħed mill-għassiesa, jiżżuffjetta bis-sitwazzjoni u jgħid “għandna orkestra, jonqos biss il-Maestro”.
Tifla ta’ sitt snin tinstema’ tirrepeti n-numru ta’ zitha fl-Istati Uniti, u titlob bil-ħniena lill-impjegati taċ-ċentru ta’ detenzjoni biex iċemplulha biex tkellimha.
Iz-zija tat-tifla qalet ma’ ProPublica li kienet ixxukkjata meta rċeviet telefonata min-neputija tagħha, tibki u titlobha tmur għaliha: “Inwiegħdek li se nobdi, imma oħroġni minn hawn”.
Hu mifhum li l-awdjo nħareġ mill-faċilità ta’ detenzjoni fejn qed jinżammu l-immigranti tfal, waqt li l-ġenituri tagħhom qed jaffaċċjaw akkużi kriminali għax qasmu l-fruntiera illegalment.
I played the audio of children separated from their parents at a US Customs and Border Protection facility that was published by @ProPublica today at the White House briefing. Officials failed to adequately and truthfully answer questions about the policy. https://t.co/M7jyZQUwwK
— Olivia Nuzzi (@Olivianuzzi) June 18, 2018
Taħt l-amministrazzzjoni Trump, l-adulti kollha li jinqabdu jagħmlu dan, jaffaċċjaw akkużi kriminali – proċess li trid jew ma tridx, jifridhom mit-tfal li jkollhom magħhom.
Skont il-BBC, f’April li għadda, minn meta ddaħħlet il-politika ta’ tolleranza żero, infirdu mill-ġenituri tagħhom mal-2,000 tifel u tifla. Aktar minn 100 minnhom għandhom taħt l-erba’ snin.
F’intervista nhar it-Tlieta, il-kelliem għall-Gvern Franċiż qal li l-Ewropa ma tħaddanx l-istess valuri tal-Istati Uniti.