“Trump żbalja b’dawk it-tweets” – May

Il-Prim Ministru Brittaniku, Theresa May, qalet li l-President tal-Istati Uniti żbalja meta xerred filmati minn grupp Brittaniku tal-lemin estrem, Britain First.
Dal-grupp, Britain First, għandu politika essenzjalment anti-Iżlamika, u jitkellem kontra l-multikulturaliżmu fir-Renju Unit, filwaqt li, ma jistax jonqos, jemmen li għandha tiġi ppreżervata dik li jsejħilha “l-kultura tradizzjonali Brittanika”.
Il-grupp iħobb jallarma lill-poplu bl-hekk imsejħa minnu “l-Iżlamizzazzjoni tar-Renju Unit”.
Għal dan il-kumment ta’ May dwar it-tweet tiegħu, Donald Trump wieġeb b’mod li jixbah dak li jħobbu jbeżżgħu bih dal-grupp, meta kiteb lil May biex ma tiffukax fuqu, imma tiffoka fuq it-terroriżmu Iżlamiku li qed iseħħ f’pajjiżha.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Minkejja dan il-kjass li nqala’ bejn iż-żewġ mexxejja, May irrimarkat li r-relazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Istati Uniti hi waħda speċjali, u ma laqgħetx it-talba ta’ xi wħud biex tikkanċella żjara ta’ Trump fil-jiem li ġejjin.
Żiedet tgħid li l-fatt li jaħdmu id f’id ma jfissirx li huma t-tnejn ma jikkritikawx lil xulxin.