Aġġornata: Trump u Putin jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ għall-ewwel darba

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u dak Russu, Vladimir Putin, iltaqgħu għall-ewwel darba wiċċ imb wicc waqt is-summit tal-G20 f’Hamburg fil-Ġermanja.
F'laqgħa privata li damet madwar 30 minuta, iż-żewġ presidenti taw merħba lil xulxin, bi Trump jgħid lil Putin li huwa ta' unur għalih li qiegħed miegħu. Min-naħa tiegħu Putin wieġeb li jinsab kuntent li ltaqa' miegħu.
S’issa ż-żewġ partijiet qalu li jridu jibnu mill-ġdid ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi wara li din ixxelfet xi ftit bil-kunflitt fis-Sirja, l-Ukraina u l-allegazzjonijiet li r-Russja ndaħlet fl-elezzjoni presidenzjali Amerikani.
Intant, ftit sigħat qabel is-summit, 76 uffiċjal tal-pulizija weġġgħu waqt ġlied li nqala f’dimostrazzjonijiet li kienu organizzati.
Aktar protesti kbar mistennija matul il-ġurnata tal-lum.
Il-mexxejja tad-dinja mistennija jiddiskutu temi importanti, fosthom it-tibdil fil-kliema, fuq liema tema għandhom ħafna opinjonijiet differenti.